Illum fil-Knisja tal-Balluta għall-ħabta tas-2pm bdiet tiġi ċċelebrata l-ħajja tal-Aġent President ta’ Malta Francis Zammit Dimech.
Preżenti għall-funeral preasente catavre, kien hemm il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono, il-Prim Ministru Robert Abela, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola u l-Viċi Kap tal-PN Alex Perici Calascione.
Kien hemm preżenti wkoll l-Eks Prim Ministru Lawrence Gonzi, Membri tal-Ġudikatura, bosta Membri Parlamentari miż-żewġ naħat tal-Kamra, s-Segretarju Ġenerali tal-PN Charles Bonello, Sindki u Kunsilliera, bosta uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista flimkien mal-ħaddiema ta’ Media.link Communications, kandidati tal-PN fost il-qraba u ħbieb.

Francis Zammit Dimech jibqa’ mfakkar għall-kontribut uniku li ta lill-pajjiż, kemm bħala Ministru f’diversi gvernijiet immexxija mill-Partit Nazzjonalista, kif ukoll bħala persuna pubblika li dejjem ħadmet għall-ġid komuni.
Hu serva wkoll bħala Segretarju Parlamentari, Segretarju Ġenerali tal-PN, Membru Parlamentari Ewropew, dan apparti bosta karigi fi ħdan il-PN matul iż-żmien

Francis Zammit Dimech miet it-Tnejn waranofsinhar fl-Isptar Mater Dei.
Għal dawn l-aħħar xhur, hu kien qed jaffronta marda li ħabbat wiċċu magħha b’kuraġġ u determinazzjoni kbira – fejn baqa’ pożittiv sal-aħħar, u jikkumbatti bi tbissima.
