Internazzjonali

Gaza: Aktar Palestinjani f’dimostrazzjonijiet ta’ rabja kontra Ħamas

Dejjem aktar residenti, f’Gaza, qed iżommu lill-grupp terroristiku Ħamas responsabbli għas-sitwazzjoni traġika li spiċċaw fiha, fost il-gwerra kontinwa bejn it-terroristi u Iżrael…Gwerra li minnha komplew ibatu bil-kbir iċ-ċivili u familji Palestinjani.

U fit-toroq ta’ Gaza dejjem aktar Palestinjani qed jisfidaw bil-miftuh lill-Ħamas, fost espressjonijiet ta’ rabja għall-grupp armat li ilu jmexxi t-territorju għal kważi 20 sena.

Ir-rabja, aktar kulma jmur, qed tikber waqt li l-Palestinjani ta’ Gaza qegħdin jiffaċċjaw l-akbar kriżi umana f’70 sena…Kriżi li kompliet tiżviluppa mindu l-qawwiet Iżraeljani, f’Ottubru tal-2023, fetħu l-offensiva kbira fuq il-Ħamas, wara li t-terroristi qasmu minn Gaza lejn Iżrael, fejn immassakraw il-mijiet ta’ ċivili u suldati fl-agħar disfatta għall-Iżraeljani mindu twaqqaf l-Istat tagħhom fl-1948.

Illum, folol kbar ta’ Palestinjani qed joħorġu fit-toroq biex iwasslu l-messaġġ kontra l-grupp terroristiku u  fost l-insistenza li d-dinja tkun qed tiżbalja ‘jekk taħseb li l-Medda ta’ Gaza hi l-Ħamas u li l-grupp Ħamas huwa Gaza’. Il-Palestinjani qed jgħidu wkoll li ma għażlux li jkunu mmexxija mill-Ħamas li, fi kliemhom, jinsab determinat biex jibqa’ fil-kontroll ta’ Gaza filwaqt li jorbot id-destin tiegħu ‘ma’ dak taċ-ċivili’.

Hu wkoll sinifikanti li dejjem aktar residenti ta’ Gaza huma lesti li jitkellmu u jesprimu l-oppożizzjoni għall-Ħamas minkejja l-periklu – u l-fatt li l-grupp terroristiku qatt ma ttollera xi forma ta’ dissens pubbliku. Dan meta l-Ħamas ilu jikkontrolla Gaza mill-2007 u f’liema perjodu ġġieled tlett gwerer kbar u żewġ konflitti fuq skala iżgħar mal-Iżraeljani.