Il-captain ta’ Leicester City, Jamie Vardy ħabbar b’mod uffiċjali li wara 13-il sena sħaħ mal-klabb mill-Midlands tal-Lvant tal-Ingilterra, hu se jkun qed jibda paġna ġdida wara t-tmiem ta’ dan l-istaġun.
Sabiex ħabbru din l-aħbar, il-klabb iddeskriva lil Vardy bħala “l-akbar plejer li qatt kelna fl-istorja.”
L-attakkant ta’ 38 sena, kien issieħeb ma’ Leicester City fl-2012, mingħand il-klabb tal-non-league, Fleetwood Town. It-trasferiment tiegħu kien suċċess kbir għal Leicester City, fejn sal-lum hu skorja 143 fil-Premier League. Dan l-ammont jagħmlu l-aqwa skorer ta’ kull żmien li qatt kellhom Leicester City minn plejer li lagħab magħhom fil-Premier League.

Meta wieħed jgħaqqad il-partiti kollha li Vardy lagħab ma’ Leicester City, fi kwalunkwé kompetizzjoni, hu jinsab żewġ partiti biss ‘il bogħod milli jilgħab il-500 logħba tal-karriera tiegħu ma’ Leicester City u żewġ gowls biss ‘il bogħod milli jiskorja l-200 gowl tiegħu ma’ dan il-klabb.
Dan it-tragward, li hu meqjus bħala wieħed sinifikanti għall-eks attakkant internazzjonali Ingliż, hu possibli li jintlaħaq minn Vardy qabel jispiċċa minn plejer ta’ Leicester City fit-tmiem ta’ dan l-istaġun, hekk kif l-iskwadra mmexxija mill-kowċ Olandiz, Ruud van Nistelrooij għad trid tilgħab l-aħħar ħames partiti tagħha għat-tmiem tal-Premier League.
Leicester City huma diġa’ relegati għall-League Championship tal-istaġun li ġej u dan l-istaġun, Vardy skorja seba’ darbiet fil-Premier League.
“Irrid nibqa’ nilgħab u nagħmel dak li nieħu gost l-aktar – niskurja gowls. Għalkemm għandi 38 sena għad għandi x-xewqa u l-ambizzjoni li nikseb ħafna aktar,” saħaq Vardy.
Il-plejer se jibqa’ imfakkar għall-kontribut kbir li hu kien ta lit-tim ta’ Leicester City fir-rebħ tal-ewwel u sal-lum l-uniku Kampjonat Ingliż li l-klabb qatt rebaħ, fl-istaġun 2015/16 meta dak in-nhar hu kien saħansitra skorja total ta’ 24 gowl.
Fl-2020/21, Vardy kien parti mit-tim ta’ The Foxes, li fit-tmiem ta’ dak l-istaġun kien saħansitra naqqax ismu fost ir-rebbieħa ta’ kull żmien tat-tieni l-akbar kompetizzjoni fl-Ingilterra, l-FA Cup. Dak in-nhar, huma kienu għelbu lil Chelsea 1-0, fil-finali li kienet intlagħbet f’Wembley Stadium.

Hekk kif Vardy għamilha uffiċjali li l-kuntratt tiegħu ma’ Leicester City mhux se jkun qed jiġġedded fit-tmiem ta’ dan l-istaġun, hu saħaq li bid-deċiżjoni li qed jieħu din ma tfissirx li hu qed jirtira minn plejer.
“Irrid nibqa’ nilgħab u nagħmel dak li nieħu gost l-aktar – niskurja gowls. Għalkemm għandi 38 sena għad għandi x-xewqa u l-ambizzjoni li nikseb ħafna aktar,” saħaq Vardy.
//= $special ?>