Il-Mument jintervista lil Dun Fabio Attard
minn Romina Borg
Dun Fabio twieled fit-23 ta’ Marzu, 1959, mir-Rabat, Għawdex. F’dawn il-jiem kelli x-xorti li nitkellem fit-tul ma’ Dun Fabio u nesploraw eżattament xi jfisser li tkun fit-tmun tat-tmexxija. Din l-intervista saret eżattament wara li Dun Fabio għamel l-ewwel żjara pubblika tiegħu bħala Rettur Maġġur, fit-3 ta’ April.
Hu għażel li jmur fiċ-ċentru ta’ detenzjoni tal-minorenni f’Turin, “Ferrante Aporti,” fejn Don Bosco stess kien iżur is-subien il-ħabs.
“Din hi l-qalba tal-vokazzjoni Salesjana tagħna,” jgħid Fr. Attard. “U huwa proprju hawn f’Turin, fejn il-kariżma Sależjana tagħna twieldet fost iż-żgħażagħ l-aktar vulnerabbli u fil-bżonn, li rridu nibdew mill-ġdid.”
Dun Fabio ltaqa’ mas-subien miżmuma, li ħafna minnhom huma barranin u Musulmani. “Kienet laqgħa kommoventi ħafna. Ma’ xi wħud minnhom tkellimt bl-Għarbi. U jien konvint aktar minn qatt qabel, li t-traġedja ta’ dawn il-minuri qed tkun li twieldu fil-benniena żbaljata.”
It-test kollu tal-intervista ma’ Fr Fabio Attard hu:
Iddeskrivi x’ħassejt x’ħin irċevejt it-telefonata storika li ntagħżilt li sservi bħala l-ħdax-il Rettur Maġġur tas-Sależjani. Naħseb kien hemm dak iċ-ċertu sens ta’ sorpriża. Din vera?
Biex inkun onest, kont naf li kien hemm xi ismijiet li kienu qed jissemmew, però ma tantx kont konvint li se jagħżlu lili għax kien hemm numru ta’ kandidati li kienu tajbin ħafna wkoll, u ma kontx fil-kunsill ġenerali.
Naturalment x’ħin imbagħad tirċievi t-talba, tħoss it-toqol. U t-tentazzjoni tkun li tgħid speċi, iva, le, iva, le, però kien hemm punt meta għidt, jekk dawn il-konfratelli qed jitolbuni nagħmel dan is-servizz għaliex għandi ngħid le.
Ġejt imsejjaħ, ma għażilthiex din, għax kont diġà impenjat ħafna. Ġejt imsejjaħ, u meta tiġi msejjaħ f’dawn is-sitwazzjonijiet, “you just take it on board”, b’dik iċ-ċertu awareness illi mhux se jħalluni waħdi, ħa jimxu miegħi, ħa jgħinuni, hemm dak is-sens, ejja ħa nimxu flimkien. Imbagħad aħna bħala Sależjani, hemm dak iċ-ċertu spirtu ta’ familja.
Allura anke min għandu responsabbiltà, sa ċertu punt mhux qiegħed hawn fuq, imma qiegħed fin-nofs. Allura dan ikkonslani ħafna. Kien hemm vantaġġ ieħor li għenni biex nikkonsidra. Diġà għamilt tnax-il sena fil-Kunsill Ġenerali u dort id-dinja Sależjana kollha, allura b’xi mod jew ieħor għandi idea.
Naturalment meta wieħed jieħu l-Missjoni tal-Leader, is-sitwazzjoni tinbidel. Imma nħossni seren u akkumpanjat minkejja li naf li hemm ħafna xogħol u ejja ngħiduha kif inhi, hemm ħafna tbatija wkoll. Imma jekk tiġi mitlub trid toħodha.
Trabbejt fil-gżira ta’ Għawdex f’familja tradizzjonali. X’kienu dawk il-valuri li għaddewlek il-ġenituri tiegħek meta kont żgħir li llum il-ġurnata sawru min hu Dun Fabio llum il-ġurnata?
Naħseb li kollha kemm aħna ulied tat-trobbija tagħna. Nirrikonnoxxi l-fatt illi kien hemm ħafna elementi li għenuni xħin inħares lura.
Aħna familja ta’ sebgħa, jien il-ħames wieħed. Imma kelli ħija ta’ ħamsa u għoxrin sena li miet minħabba li kellu problemi tal-kliewi. Kien jismu Ġorġ bħal missieri. Preżenza ħelwa, sabiħa, dejjem allegra. Sal-aħħar, kien jaf li wasal fl-aħħar, u baqa’ sal-aħħar b’dik il-kapaċità li jkun ferħan.
Fil-familja kien hemm ambjent sabiħ. Il-mama kienet fetħet ħanut meta l-familja bdiet tikber, allura kelli eżempju ta’ żewġ ġenituri bieżlin, fl-istess ħin ta’ fidi kbira.
Il-mewt ta’ ħija kienet opportunità fejn aħna kbirna nissaħħu fil-fidi. Dejjem ngħid li l-fidi qabel ma smajtha, rajtha. Rajtha f’ommi u missieri kif għexuha. Imbagħad kien hemm il-fatt li bdejt nattendi l-Oratorju.
Bdejt nattendi l-Oratorju f’Settembru tal-1965, kelli sitt snin. U l-aħħar Sależjani telqu tliet xhur wara, Fr Vincent Debono, li wara kont Direttur tiegħu St Patrick’s. Imma missieri kien l-uniku katekist lajk fl-Oratorju.
Erba’ darbiet fil-ġimgħa kont immur katekiżmu kuljum, nhar ta’ Ġimgħa kien ikollna il-filmini. Allura trabbejt f’ambjent Sależjan, fl-ambjent ta’ Don Bosco.
Meta ġew id-Djoċesani, Dun Karm Mercieca, li trabba mas-Sależjani, aħna t-tfal żgħar ma konniex nafu d-differenza. Meta spiċċajt il-Lyceum, dejjem xtaqt insir saċerdot u Dun Karm Mercieca, li wara kien arċipriet ix-Xewkija għal tant snin, għalija kien il-mudell. Dħalt is-seminarju, u dawk it-tliet snin tas-seminarju, kont ngħin l-Oratorju.
L-element l-ieħor kien il-Parroċċa San Ġorġ, fejn kont abbati. Imbagħad bħala seminarist kont nieħu ħsieb l-abbatini, l-Oratorju – l-adoloxxenti u ż-żagħżagħ, l-attivatijiet kollha ta’ Oratorju. Iġifieri naħseb illi Għawdex kienet l-ewwel pjanta, l-ewwel għalqa fejn kibret iż-żerriegħa. Kull fejn immur ninduna illi dak li rċevejt huwa moħbi, huwa għeruq, illi lili għadhom jagħtuni l-għeruq.
Imbagħad kien hemm element ieħor tal-iskola. Aħna kellna għalliema li kienu iffurmati mill-Brothers, u ħafna minnhom kienu past pupils tal-Oratorju Don Bosco. Jiġifieri inti kellek qisek taħlita sħiħa ta’ persuni, valuri, proposti, ambjenti, skola, familja, Oratorju u parroċċa li kien qisu network ta’ relazzjonijiet umani.
Tirrakkontali esperjenza personali qawwija li ħalliet marka fuqek?
Hemm kemm-il waħda. Imma llum ninduna li waħda mill-esperjenzi li l-iktar immarkatni. Għandi ħafna attenzjoni għall-foqra u għall-batuti. Dejjem kont nistaqsi lili nnifsi, trabbejt ġo familja li ma konniex foqra għax il-papa kien jaħdem, il-mama kellha l-business.
Naħseb il-fatt li fl-aħħar snin tal-ħajja ta’ ħija, meta kelli madwar erbatax-il sena, kont nakkumpanjah matul il-lejl, ħalla l-impatt tiegħu fuqi. Peress li kellu l-problema ta’ kidney insufficiency, kien ikun hemm bżonn li wieħed jixrob ħafna ilma, għax dak iż-żmien ma kien hemm dialysis, ma kienx hemm transplant.
Wara naħseb, kważi ċert minnha, li din l-attenzjoni li attent għal min hu batut, bl-esperjenza tiegħi miegħu li kibret ġewwa fija. Meta nara batut, inkonxjament irrid ngħinu.
Illum, peress li l-ħajja tagħna tlaqqana ma’ ħafna faqar, inħoss xi ħaġa fl-istonku għal foqra, naħseb illi minn hemm ġejja. Esperjenzi fil-familja, li għalkemm naħseb kelli erbatax-il sena, għalmitni ngħin u nakkumpanja lil min hu batut.

Fr Fabio Attard jingħata merħba kbira miż-żgħażagħ Sależjani ġewwa Turin mal-aħbar
li hu inħatar bħala l-11-il suċċessur ta’ Don Bosco
Għaliex għażilt l-Ordni Sależjana biex tikber bħala saċerdot u reliġjuż?
Mela bdejt is-Seminarju għax ma kienx hemm Sależjani. Imma kont qed ngħin l-Oratorju. Niftakar fit-tielet sena, kien hemm Għawdxi, Bro Leli Gatt, li beda’ l-aspirantat u dik kienet kważi ix-xrara. Niftakar qabad nar fija; nar għal Don Bosco.
Diġà kont l-Oratorju. Niftakarni bdejt bid-dixxerniment, direzzjoni Spiritwali ma’ Dun Mikiel Attard. Kien direttur Spiritwali tas-Seminarju, illum hemm il-kawża tal-beatifikazzjoni tieħu. Dun Mikiel ma kellu l-ebda titlu, la kellu liċenzjatura, kien bniedem sempliċi għall-aħħar imma bniedem ta’ qdusija straordinarja.
Niftakarni ngħidlu, Dun Mikiel naħseb Sależjan posti. Bis-sempliċità tiegħu kien jgħidli, imma għaliex Fabio, għaliex? Għax nixtieq naħdem mat-tfal, għax naħseb hekk, għax jidhirli hekk. U hu fl-għerf Spiritwali tiegħu kien jgħidli, sewwa sewwa, tmewwitx u tiffomentax, ħallih il-Mulej ħa jaħdem. Dan bdejna f’Ottubru, tmewwitx u tiffommentax.
Dun Mikiel, f’Novembru, kont għidtlu hekk u hekk hu, hu jismagħni, u jgħidli, sewwa sewwa, tmewwitx u tiffomentax. U xahar wara xahar, tmewwitx u tiffomentax.
Naturmalent, illum daqsxejn kalm, imma meta kont iżgħar kont inqas kalm, u nasal Mejju, u kif ngħidu llum, qabżitli ċ-ċinga. Dun Mikiel, int seba’ xhur sħaħ tgħidli tmewwitx u tiffommentax. Għaliex mhux qed tgħidli favur qed inħoss?
Niftakar, ħares lejja b’dik il-ħarsa ta’ bniedem għaref, ħa ngħidlek Fabio, qalli, ilni seba’ xhur nisma’ x’tixtieq, x’jidhirlek, x’taħseb, skond inti, qalli il-ħin kollu nisma’ inti, inti, staqsejt lilek innifsek hiex il-volontà ta’ Alla li inti tkun Salesjan?
Dik il-kelma għadni nismagħha sal-lum. Kważi waqgħajt minfuq is-siġġu. Għax kont qisni qiegħed ġo boxing ring, tgħati, tgħati, tgħati, kif waqaft taħseb ftit, tlaqqat daqqa ta’ ponn. Bqajt inħares lejh. Għidtlu ma nafx. Hu bil-kalma kollha qalli, ok ma jimpurtax. Minn dak il-ħin dħalt fi kriżi kbira. Għax għidt mela dan kollu ħolma tiegħi.
B’xorti tajba dak il-perjodu, kien hemm żewġ saċerdoti, Dun Anton Borg u Dun Ġorġ Borg. Dun Anton kien għadu kif lesta l-filosofija u l-morali mill-Gregorjano u Dun Ġorġ Borg, psikologu, mill-Università Salesjana.
Niftakar, għamilt dak li llum insejħulu counselling miegħu, domt sejjer xi tlett xhur, laqgħat, minn fejn hi ġejja din ix-xewqa, dak li verament qed inħoss.
Niftakar bqajt niltaqa’ ma’ Dun Mikiel, u f’Awwissu qalli l-Mulej ibierkek. Hemmhekk indunajt kif it-tfulija tiegħi, il-familja, il-parroċċa, l-iskola, l-Oratorju, illum ma narani imkien iżjed ħlief Sależjan.

Fr Fabio Attard jemmen ħafna fit-talent żagħżugħu l-appell tiegħu hu biex ħadd ma jkun iġġudikat għax
iċ-ċirkostanzi ħadd ma jkun jafhom
Tgħidilna ftit dwar l-esperjenzi tiegħek kemm hawn Malta kif ukoll barra minn xtutna meta kont Brother Sależjan?
Meta ġejt mas-Salesjani, kont bdejt il-filosofija Għawdex, imbagħad spiċċajt il-filosofija Malta u dik is-sena kont immur naħdem Ħal Luqa, kellna l-Oratorju tagħna, Triq Dokkina. Esperjenza straordinarja, bellezza.
Għadni niltaqa’ mal-past pupils, isemmuhieli. Imbagħad mort l-Irlanda, għamilt in-novizzjat, u bqajt sena oħra ngħallem il-Latin u t-Taljan. Imbagħad inżilt Malta sentejn practical training, sena Savio College bellezza, u t-tieni sena, St Patrick’s u hemmhekk, kważi, irċevejt is-siġill tal-vokazzjoni tiegħi.
Hemmhekk illi ltqajt mat-tfal, illi kellhom diffikultajiet, però ma kienux huma l-ħtija tad-diffikultajiet, il-ħajja ġabithom fejn ġabithom. Hemmhekk reġgħet bdiet tiela fija dak li semmejt qabel, l-esperjenza tiegħi ma’ ħija, u bqajt affezzjonat, St Patrick’s bqajt miġbud, bqajt ħafna attent għal dawk l-istejjer. Wara li spiċċajt il-practical training mort ħames snin Ruma, tlett snin BA fit-Teoloġija, u sentejn Masters fit-Teoloġija Morali.
Malli spiċċajt, is-superjuri, lili u lil Fr Joe Cini, qallulna li se jiftħu dar ġdida fit-Tuneżija, ma hemmx Sależjani, wara li kienu telqu fi 1965. Aħna morna, naturalment nitgħalmu il-Franċiż u l-Għarbi.
Hemmhekk kienet esperjenza kbira oħra f’ħajti, għax morna f’post li mhux nisrani. Aħna li mdorrijin Malta, dak iż-żmien l-Irlanda kienet Kattolika, u l-Italja wkoll, u f’daqqa waħda ssib ruħħek f’ambjent kompletament mhux nisrani, Musulman. Ambjent sabiħ; it-Tuneżija nħobbha mmens. Hawnhekk bdiet esperjenza oħra f’ħajti.
Kif inbidlet ħajtek meta lħaqt qassis Sależjan?
Ħassejt li lħaqt dak li ried Alla minni meta sirt Sależjan, mhux meta sirt qassis. Sirt Sależjan, l-Irlanda, fit-8 ta’ Settembru 1980. Hemmhekk ħassejt ferħ straordinarju, Sależjan ta’ Don Bosco. Issa meta morna t-Tuneżija, qaddist fi 1987, fi 1998 morna.
Hemmhekk ridt niskopri parti oħra minn ħajti, x’jiġifieri tgħix ta’ Sależjan, saċerdot, f’ambjent Musulman. Hemmhekk skoprejt il-ġmiel ta’ adorazzjoni Ewkaristika, għaliex ma għandekx strumenti u opportunitajiet minn barra.
Biex il-fidi tiegħek trodd tieħu ħsiebha ġewwa, ma għandekx esperjenzi esterni. Dejjem ngħid, hemmhekk ma stajniex nitkellmu fuq Kristu, però ħadd ma waqqafna milli nixhdu l-imħabba ta’ Kristu. L-ewwel evanġelizzazjoni hija li tgħix l-imħabba, mhux li tpaċpaċ, tlablab dwarha. Hemmhekk skoprejt il-qawwa tal-ħajja intima, il-kontemplazzjoni, l-Ewkaristija, però fl-istess ħin skoprejt il-ġmiel ta’ Don Bosco.
Don Bosco għandu edukazzjoni li ma hemm l-ebda barriera, nisrani jew musulman. Don Bosco jmur jiltaqa’ maż-żagħżugħ, mat-tfal, indipendentament mill-kulur, mill-kultura, mir-reliġjon, mill-post, hu fejn hu.
Hemm għamilt tlett snin sbieħ ħafna. Meta kont nirritorna t-Tuneżija, l-għalliema u past pupils kienu jiftakruni. Saħansitra twaqqfet assoċjazzjoni ta’ Past Pupils sentejn u nofs ilu, u miktub fija. Il-fatt li sirt Sależjan, hemmhekk lili għenitni.
Wara t-Tuneżija, għamilt ħames snin St Patrick’s. Erġajt irritornajt bħal meta kont Brother, imma b’iżjed responsabbiltà. L-istudenti ta’ St Patrick’s dejjem ngħidilhom li wara ommi u missieri, l-iktar persuni li għenuni biex inkun Sależjan tajjeb huma l-istudenti ta’ St Patrick’s.
Għallmuni nħobb, għallmuni jkolli ħniena, għallmuni jkolli paċenżja, għallmuni li fil-ħajja huwa worthed li tingħatha kollok kemm inti lil min għandu bżonn.
Fejn taħseb li ħallejt l-ikbar impatt fil-postijiet li ħdimt fihom?
Kullimkien, għaliex l-impatt mhux tant viżżibbli, l-impatt huwa relazzjonali, ir-relazzjonijiet. Meta tkun kapaċi tiltaqa’ maż-żagħżugħ, hu fejn hu, u tkun kapaċi tgħidlu, kif inti hi, u jirrispondik, u inti tirrispondi, u dak l-impatt hu l-istess kullimkien.
Meta jistaqsuni liema huma d-differenzi bejn iż-żgħażagħ madwar id-dinja, ngħidilhom li ma hemmx. Il-qalb hi l-istess, it-tfittxija għall-awtentiċità, għall-koerenza… hija l-istess kullimkien.
L-istudju u l-qari kien dejjem parti integrali mill-ħajja tiegħek. Mill-esperjenza vasta tiegħek, fejn dort diversi pajjiżi madwar id-dinja, x’messaġġ tgħaddi liż-żgħażagħ tal-lum li forsi ma jifhmux l-importanza tal-qari u l-istudju?
Tajjeb nagħrfu ftit għaliex iż-żgħażagħ ma jagħtux importanza lil istudju. Ħafna drabi mhux ma jagħtux importanza, imma kibru f’ambjent li ma ġewx mgħejjunin jagħtu importanza. Aħna meta naraw tfal diffiċli, nitfixklu.
Hawnhekk mort nara ħabs, f’Turin, u hemmhekk kien hemm Sależjan, fil-ħabs taż-żgħażagħ, fejn għamel tletin sena jaħdem. U kien jgħid, dawn it-tfal l-unika ħtija li għandhom hi li twieldu fil-benniena żbaljata, twieldu fil-post żbaljat, bħal kif fil-Malti ngħidu, miskina dik it-tajra li titrabba’ f’post ħażin.
Allura t-tema tal-edukazzjoni hija kwistjoni ta’ proċess. It-tfal li ġew diżastru, bil-mod il-mod jikbru fil-konvinzjoni u jibdew jindunaw fil-kapaċitajiet li għandhom.
Il-kwistjoni edukattiva hija ċ-ċavetta, speċjalment fejn għandek żgħażagħ foqra, li trid tgħinhom jiskopru t-talenti tagħhom, toffrilhom ambjent fejn jistgħu jikbru, u bil-prospettiva li kapaċi tgħinhom joħolmu.
Nafu li l-vokazzjonijiet naqsu. Imma l-vokazzjonijiet Sależjani, kemm dawk ikkonsagrati kif ukoll lajċi għadhom b’saħħithom. X’inhi r-raġuni għal din is-sitwazzjoni?
Il-vokazzjonijiet naqsu. Niftakru li llum qed ngħixu f’soċjetà li ma għadhiex reliġjuża, Kristjana, imma hi soċjetà sekulari, li personalment naħseb li hi xi ħaġa sabiħa. Qabel kont reliġjuż, kont nisrani trid jew ma tridx.
Illum nagħżel li nkun reliġjuż. Fejn qabel kellek 90 fil-mija, illum għandek inqas, għax illum nagħżel li nkun. Allura inti għandek spostament ta’ dak li huwa ċ-ċentru ta’ valuri li m’għadux ispirat direttament mir-reliġjon, ma jfissirx li mhux valuri tajbin, imma huma iżjed ispirati fuq l-awtonomija, fuq niddeċiedi jien. Dan diġà jaffettwa.
Qabel issir saċerdot jew soru, fuq livell soċjali, kellha ċertu power fuq l-immaġinarju, illum m’għadux il-każ.
It-tieni ħaġa għandek is-sitwazzjoni demografika, fejn qabel kellek familji, b’sebat’itfal, illum l-familji jkollhom wieħed jew tnejn. Din xi ħaġa ħażina?
Hi s-soċjetà bid-dinamika tagħha, li mhux qed ngħid li n-nies huma anqas reliġjużi jew iktar ħżiena, għandek sitwazzjoni soċjali, bl-iżvillup ekonomiku, dak kollu li trid.
Għadni kemm ġej mill-Indja, għamilt tlett xhur indur, għandek l-istess fenomenu. Dak li aħna esperimentajna Malta fis-70s u 80s, fin-Northern Europe fil-50s u 60s, illum fl-Asja u anke fl-Afrika, fejn għandek pajjiżi bl-ekonomija globalizzata, familji ma għadhomx jgħixu fil-villaġġi, jgħixu fl-ibliet, jekk jgħixu fl-ibliet, iridu jixtru dar, jekk iridu jixtru dar, paga waħda mhux biżżejjed.
Mela għandek iż-żewġ ġenituri jaħdmu, mela ma jistgħux ikollhom tmienja, għaxar t’itfal, allura jkollhom tnejn. It-tfal imorru d-dar u ma jsibux lil ommhom bħalma kien qabel. Allura dan kollu jaffettwa fuq il-vokazzjonijiet.
Mhux aħna biss is-Sależjani qed naraw dan il-fenomenu. Għalkemm għandna inqas Sależjani, għandek lajċi straordinarji. Lajċi li trabbew fl-ambjent Sależjan, lajċi li hemm ċertu livell intellettwali elevat, illi huma kapaċi li mhux biss jifhmu il-kariżma imma jassumuha bħala responsabbiltà.
Kont Spanja is-sena l-oħra, għamilt sitt xhur inżur d-djar tagħna, għandna kulleġġi li bdew b’surmast u ekonomu lajk. Lajċi li trabbew magħna s-Sależjani u wħud minnhom jimpressjonawk bl-imħabba, bis-sens of belonging, bil-kapaċità li janimaw, li jiggvernaw. Dik għalina hi xi ħaġa straordinarja.
Aħna ma nitkellmux fuq il-komunità Sależjana biss, imma fuq il-komunità edukattiva pastorali Sależjana. Trid tara l-ispostament, paradigm shift mill-modernism to postmodernism to post secular society, li r-reliġjon għaddiet minn terrimot, narawha fil-Knisja.

Fr Fabio Attard jemmen li s-Sależjani għandhom quddiemhom għalqa kbira x’jaħdmu
Issa x’inhi l-problema?
Aħna nibqgħu naħsbu bil-mentalità tal-bieraħ fuq ir-realtà ta’ llum. Allura inti għandek mentalità li tirrifletti dak illi lbieraħ kien imma llum sparixxa. Kultant aħna nagħtu risposti għal domandi li ma għadhomx jeżistu, u jiġu insinifikanti.
Kif għadu relevanti Don Bosco llum il-ġurnata mill-esperjezni li ġbart mill-pajjiżi li żort kemm domt Kunsillier Ġenerali għall-Ministeru taż-Żgħażagħ? Is-Salesjani jappellaw għall-kurrenti u l-lifestyle ta’ llum?
Don Bosco mhux tejoretiku. Don Bosco kellu ċertu prinċipji solidi fuq livell personali. Imma kellu metodu li għadu magħna sal-lum. Don Bosco kellu l-atteġġjament illi dak li hu l-ewwel u qabel kollox, jisma’ lil dak li hemm quddiemu.
F’dan il-kurrent, f’din id-dinamika, jipprova jiskopri tlett pilastri, jivvaluta l-uman, jikkura x-xewqa għas-sens, f’ambjent ta’ mħabba, dik li nsejħulha s-sistema preventiva. Illum trid l-attenzjoni, għax dawn it-tlett kelmiet, mhux qed jgħidu biss kelma, imma qed jgħidu realtà.
Din tfisser l-umanità, li niltaqa’ maż-żagħżugħ, ħlejqa ta’ Alla, uman, kapaċi jidħol f’relazzjoni, kapaċi jisma’, jixtieq jiġi mismugħ, dimensjoni umana, non judgemental, acceptance, welcoming.
It-tieni, il-qalb ta’ kull żagħżugħ, Don Bosco jgħid għandu punt posittiv, illi jeħtieġ li niskopruh. Issa x’inhi l-problema llum? Ħafna minnhom dawn iż-żgħażagħ dak il-punt pożittiv u tajjeb, huwa mgħobbi b’ħafna esperjenzi negattivi.
Hemm xewqa kbira illi jiskopru valuri. Meta niltaqa’ ma’ żgħażagħ li ġejjin minn ambjenti diffiċli, naħseb ħafna. Il-ġimgħa l-oħra kont f’dan il-ħabs taż-żagħżagħ, waqaft nitkellem magħhom, biżżejjed tħares lejn għajnejhom, u huma jħarsu lejn għajnejk… u tinduna li hemm xi ħaġa li qed tinbidel.
Hemm tinduna li l-qalb taż-żgħażagħ hija straordinarja. U dak ifisser li hemm xi ħaġa li ma hiex biss umana, imma hija spiritwali, traxxendentali.
Imbagħad it-tielet waħda hija f’ambjent ta’ imħabba, li żagħżugħ jaf li mhux se jiġi ġġudikat, mhux se jiġi kkundanat, mhux se jiġi rrifjutat. Illum nafu li ħafna mid-diffikultajiet li għandna huma marbutin mal-fatt li għandek żgħażagħ illi d-dar huwa l-post fejn jgħixu, imma mhux l-post fejn jikbru. Għandek ħafna weġgħat, weġgħat moħbijin.
Illum il-ġurnata, ħafna żgħażagħ qed ibatu tbatijiet li sa snin ilu lanqas biss konna noħolmuhom. Dan ġej għax iż-żgħażagħ ħafna drabi jitbiegħdu minn dak li verament jagħmilhom kuntenti. X’taħseb fuq dan l-argument bħala Rettur Maġġur tal-Ordni Sależjana? X’messaġġ tgħaddi lilhom li għada se jkunu l-ġenituri tas-soċjetà futura?
Iktar milli ngħaddi messaġġ liż-żgħażagħ, ngħaddi messaġġ lilna l-adulti, għaliex iż-żgħażagħ fundamentalment huma tajbin, imma qed tonqos ir-razza ta’ adulti sinifikattivi.
Ħafna drabi il-problema mhux iż-żgħażagħ. Ejja nieħdu eżempju, il-kultura kollha teknoloġija, iż-żgħażagħ huma klijenti biex jissodisfaw dan il-kamp tal-ekonomija.
Naraw ftit l-għażliet li qed isiru fuq livell globali, mhux fuq livell nazzjonali ta’ Malta. Aqbad it-tema tad-droga, it-tema tal-pornografija, aqbad liema trid, huma għażliet li qed iħarsu biex jippromovu ambjent san, fejn jekk għandi żagħżugħ li hu debboli, flok inpoġġih f’sitwazzjoni li se jaqa’ żgur, noħloqlu ambjent legali, ambjent uman, fejn il-vulnerabbli ma jkomplux ikunu iżjed vulnerabbli.
Għandna soċjetà li qed tagħmel għażliet fuq livell mondjali li iktar hemm il-profitt tal-flus milli tkabbir tal-persuna umana. Aħna għandna ħafna xogħol mar-refuġjati, ma’ dawn iż-żgħażagħ b’diffikultà.
Malli tpoġġihom f’ambjent san, jibdew jieħdu ossiġnu pur. U meta l-qalb u l-moħħ jieħdu ossiġnu pur, ikunu inqas tossiċi, iktar sani. Illum hemm bżonn iktar ta’ postijiet, ta’ skejjel, youth centres, u persuni li kapaċi joffru dan liż-żgħażagħ.
X’inhi l-viżjoni tiegħek kemm għar-rigward taż-żgħażagħ kif ukoll għat-tiġdid tal-Knisja llum?
Il-viżjoni hi li nirritornaw rgħajja tajba. Aħna nitkellmu fuqna bħala rgħajja, irridu niskopru il-Vanġelu. Irridu nkunu umli biżżejjed biex niskopru l-ġmiel, il-freskezza, is-sbuħija tal-Vanġelu u nkunu kapaċi bħal iben il-ħali.
Dawn il-ġranet kellna l-Vanġelu tal-adultera. Żgur li kulħadd ikkundannaha. L-Evanġelista jgħidilna, inħakmet f’adulteru. Għaliex il-mara biss? Għaliex il-persuna debboli biss? U l-parti l-oħra? Għaliex meta hemm problemi bilfors irridu nsibu l-iktar parti debboli u nitfgħu fuqha l-preġudizzji, il-mibgħeda li għandna. Iż-żgħażagħ tal-lum huma fil-mira ta’ min irid jisfruttahom, biex ma nitkellmux fuq ir-refuġjati. Kieku nisimgħu l-istejjer tar-refuġjati, anke fil-ħabs, huma stejjer tal-waħx.
Kapaċi aħna nisimgħuhom; kapaċi nkunu rgħajja għalihom? Niftakru dak li l-Papa Franġisku qed jgħidilna, umiltà u intelliġenza, professjonalità u preżenza.