Nhar is-Sibt 3 ta’ Mejju 2025 se ssir konferenza pubblika bil-Malti dwar “Il-Malti f’Politika Lingwistika Nazzjonali.” Il-konferenza, li se ssir fl-Aula Magna tal-Valletta Campus, fi Triq San Pawl, il-Belt, tibda fit-8:30am bir-reġistrazzjoni u tintemm fis-2:30pm.
L-għan ewlieni hu li jkun hemm diskussjoni miftuħa fuq is-sehem tal-ilsien nazzjonali f’politika lingwistika nazzjonali li għad trid titfassal. Bħala parti minn din id-diskussjoni se jsiru interventi minn għadd ta’ akkademiċi u professjonisti li jaħdmu fuq il-lingwa f’oqsma differenti tal-ħajja u x-xogħol f’Malta.
Din il-konferenza qed tittella’ mid-Dipartiment tal-Istudji Politiċi u l-Governanza u d-Dipartiment tal-Malti fl-Università ta’ Malta, bi sħab mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti u l-Istitut tal-Lingwistika u t-Teknoloġija tal-Lingwa fl-Università, bħala parti minn sensiela ta’ konferenzi dwar il-politika, il-lingwa u l-letteratura.
Il-konferenza hija miftuħa għal kulħadd u d-dħul għaliha huwa b’xejn. Dawk li jixtiequ jattendu jistgħu jinkitbu billi jibagħtu email lil mariella.gambin@um.edu.mt jew jimlew din il-formola qasira.
Is-sesjonijiet se jiddiskutu dwar x’inhi l-politika lingwistika, se jħarsu lejn dak li qed jagħmlu pajjiżi oħrajn fejn tidħol il-pjanifikazzjoni tal-lingwa u jqabblu mas-sitwazzjoni f’Malta, ir-relazzjonijiet interkulturali f’Malta u kif jintrabtu mal-lingwa, dwar dokumenti u prassi ta’ politika lingwistika settorjali f’Malta, dwar il-lingwa tas-sinjali Maltija u se jkun hemm ħarsa lejn il-politika lingwistika tal-Università ta’ Malta u l-ħaddiema barranin u l-Malti; u l-Malti fil-qasam tat-teknoloġija
Se jkun hemm ukoll diskussjoni plenarja li għandha twassal għal sensiela ta’ rakkomandazzjonijiet għat-tfassil ta’ politika lingwistika nazzjonali li tqis il-funzjoni ċentrali tal-ilsien nazzjonali fl-oqsma ewlenin tal-ħajja.
//= $special ?>