Lokali

L-Istat tan-Nazzjon mistenni jagħti stampa iktar ċara dwar l-effetti tal-edukazzjoni f’pajjiżna

L-Istat tan-Nazzjon ta’ din is-sena se jkun qed jiffoka partikolarment fuq l-edukazzjoni f’pajjiżna sabiex tingħata stampa iktar ċara fuq kif l-edukazzjoni, mill-bidu nett tagħha, qed taffetwa l-preżent u ssawwar il-futur.

Matul dawn l-aħħar ħames snin, permezz ta’ dan l-istħarriġ li jsir mill-Uffiċċju tal-President, pajjiżna seta’ jifhem aħjar x’inhu n-nazzjon tagħna u kif dan qed jinbidel sena wara l-oħra.

U din is-sena se jiġi preżentat rapport biex wieħed jifhem eżatt x’tip ta’ edukazzjoni qed tibda mill-familja u anke dik li tkompli fl-iskejjel – sakemm finalment kull persuna toħroġ fid-dinja tax-xogħol.

Net News tkellem ma’ wieħed mill-organizzaturi ta’ din il-konferenza, Lou Bondi, illi spjegalna l-importanza ta’ L-Istat tan-Nazzjon.

Minn naħa tiegħu, l-Professur Vincent Marmara rrikonoxxa kemm joħorġu punti importanti minn dan ir-rapport, biex pajjiżna jifhem aħjar it-tibdil kontinwu li jaffetwa lin-nazzjon.

Din il-konferenza qed issir taħt il-partoċinju tal-President Myriam Spiteri Debono.

Fil-Palazz Verdala, fis-6 ta’ Ġunju, se jkun qed jiġi ppreżentat ir-riżultat ta’ dan l-istħarriġ biex imbagħad wara jkun hemm sensiela ta’ panels iffurmati minn persuni varji sabiex jiddiskutu dan ir-riżultat u x’jeħtieġ li jsir mit-tmexxija ta’ pajjiżna sabiex ikompli jitjieb l-istat tan-nazzjon.