Il-qawwiet tar-Russja, fl-aħħar sigħat, wettqu wieħed mill-agħar attakki bid-drones u l-missili fuq Kiev, il-kapitali tal-Ukrajna, mill-bidu tal-gwerra, fi Frar tal-2022.
Fl-attakk inqatlu talanqas għaxra, b’madwar mija jisfaw midruba – biċ-ċifra tal-vittmi mistennija titla’ aktar ma jgħaddi żmien.
Il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, qal li dan l-attakk kien wieħed mill-aktar ‘sfaċċati u brutali’ fuq il-poplu ċivili Ukren…’Attakk li kompla jżid it-tbatja u diffikultajiet għal dawn in-nies wara aktar minn tlett snin ta’ assedju mill-qawwiet tal-Kremlin.’
Zelensky, fl-aħħar sigħat, qata’ fil-qasir żjara li hu kien qed jagħmel fl-Afrika t’Isfel. Żjara li kienet qed issir bħala parti mill-impenn ta’ Kiev biex isaħħaħ l-appoġġ fost il-pajjiżi tad-dinja li qed jittamaw fi tmiem għall-gwerra.
L-attakk bil-missili fuq Kiev seħħ anki sigħat wara li l-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, kien ikkritika lil Zelensky talli qal li l-Ukrajna bl-ebda mod mhi lesta biex tirrikonoxxi l-kontroll tar-Russi fuq il-penisola tal-Krimea….Territorju li l-qawwiet Russi u s-separatisti li jissimpatizzaw mal-Kremlin kienu ħatfu fl-ewwel xhur tal-2014.
Trump, li għandu ambizzjonijiet kbar li jikkonkludi l-gwerra, qed jidher determinat li jwassal għal forma ta’ patt uffiċjali għat-tmiem tal-battalji mingħajr il-ħsieb dwar kif dan se jaffettwa tassew il-futur tal-Ukrajna u l-poplu tagħha.
Intant, Donald Trump anki kkundanna l-attakk fuq Kiev u qal li ‘xejn ma jinsab kuntent dwar azzjoni li ma kenitx neċessarja u li saret ukoll fi żmien ħażin’. Il-President Amerikan, permezz tal-media soċjali, bagħat il-messaġġ ‘Ieqaf issa’ lil Putin, fost stqarrija dwar l-importanza li l-ftehim għall-paċi jkun iffirmat mill-aktar fis biex ma jmutux aktar eluf ta’ nies u suldati.
Volodymyr Zelensky, issa, qed jinsisti biex il-pajjiżi tal-Punent u oħrajn iwettqu pressjoni akbar fuq ir-Russja bil-ħsieb li l-Kremlin jaqbel dwar waqfien mill-ġlied. Hu qed ikompli jisħaq li l-Ukrajna spiċċat attakkata mir-Russja u bir-riżultat li nqatlu l-għexieren tal-eluf tan-nies mill-bidu tal-gwerra.
Zelensky saħaq ukoll li l-fatt li l-Ukreni lesti biex ipoġġu madwar mejda u jinnegozjaw ‘mal-qattiela ta’ nieshom’ għandu wkoll jitqies bħala forma ta’ kompromess – u meta ftehim potenzjali għal waqfien mill-ġlied irid jitqies biss bħala ‘l-ewwel pass fi triq twila lejn il-paċi’.
F’diskors li għamel fl-Afrika t’Isfel, Zelensky tkellem fid-dettall dwar l-aħħar attakk fuq Kiev waqt li tratta wkoll il-laqgħa tal-Erbgħa f’Londra bejn ir-Rappreżentanti tar-Renju Unit, l-Istati Uniti u pajjiżi oħra tal-Ewropa…Laqgħa li konċentrat fuq il-gwerra fl-Ukrajna u li Zelensky fissirha bħala ‘diffiċli iżda, fl-istess ħin, kostruttiva’.
Il-President Ukren tenna wkoll li r-Russja ma jogħġobha xejn l-alleanza li żviluppat madwar l-Ukrajna u li mingħajrha, pajjiżu jsibha bil-wisq aktar diffiċli biex jirreżisti għall-aggressjoni tal-Kremlin.
‘Il-kontinent Afrikan lest għal rwol produttiv’
Volodymyr Zelensky u l-President tal-Afrika t’Isfel, Cyril Ramaphosa, illum. indirizzaw konferenza tal-aħbarijiet konġunta fi Pretoria u fejn Ramaphosa qal li l-kontinent Afrikan, l-istess bħall-Istati Uniti u l-Ewropa, hu lest għal rwol produttiv fil-proċess lejn in-negozjati għall-paċi fl-Ukrajna.
Ramaphosa qed jittama fi proċess għall-paċi effettiv bejn l-Ukrajna u r-Russja, b’Zelensky jesprimi tamiet li l-Istati Uniti kapaċi tidħol bħala ‘garanti’ għal waqfien mill-ġlied. Tama oħra ta’ Zelensky hi li Washington ma jippermettix sitwazzjoni fejn il-konflitt tal-Ukrajna jispiċċa sempliċiment ‘iffriżat’ u miftuħ għal kull xenarju.
Voldymyr Zelensky, issa, wassal messaġġ sinifikanti lid-dinja li l-Ukrajna qed tagħmel kulma qed jgħidulha l-Istati Uniti u l-pajjiżi l-oħra sieħba ( ta’ Kiev) biex ikun hemm il-paċi…Iżda hu spjega li ma għandu l-ebda dritt biex jinsisti li l-Ukreni jċedu għall-affarijiet li jmorru kontra l-leġislazzjoni tagħhom.
Il-Mexxe Ukren kien diġà qal li ma setax jirrikonoxxi l-kontroll tar-Russi fuq il-Krimea bħala kunċett li jmur direttament kontra l-Kostituzzjoni tal-Ukrajna…U lbieraħ, fi Pretoria, Zelensky fakkar mill-ġdid li l-poplu tiegħu qiegħed jiġġieled għall-indipendenza tiegħu u biex pajjiżu jkompli jiddefendi d-dritt li jeżisti bħala ‘l-Ukrajna.’
//= $special ?>