Lokali Opinjoni

OPINJONI: Dak li ħalla warajh Francis se jibqa’ jispirana

Se nkomplu nagħmlu ħilitna biex nimxu fuq il-passi ta’ Francis Zammit Dimech, fejn il-politika ma tkunx biss dwar poter, imma dwar servizz b’passjoni u b’umiltà

minn Bernard Grech
Kap tal-PN

Francis Zammit Dimech kien wieħed mill-aktar persuni rispettati u maħbuba li serva lil pajjiżna, lill-Partit Nazzjonalista u lill-poplu b’mod ġenwin u b’qalb miftuħa.

Kien raġel ta’ kelma, ta’ prinċipji u ta’ valuri sodi, li dejjem għaraf il-politika bħala vokazzjoni li fiha trid isservi, mhux tiddomina.

Fil-ħajja pubblika tiegħu, Francis qatt ma ra lilu nnifsu bħala figura fuq pedestall – kien preżenza vera, li dejjem emmen fis-servizz lejn il-kostitwenti tiegħu, lejn Malta, u lejn il-verità.

Tul il-karriera twila tiegħu, irnexxielu jħalli impatt f’kull qasam li mess miegħu – bħala Ministru b’portafolli li jvarjaw mill-informazzjoni għall-kultura, mit-turiżmu għall-ġustizzja. Kien ukoll MEP li ħadem b’mod intelliġenti u eleganti biex jirrappreżenta lil Malta fl-Ewropa b’dinjità.

Imma aktar minn hekk, kellu preżenza konsistenti fid-distretti tiegħu – dejjem hemm għan-nies, dejjem jismagħhom, dejjem lest li jħalli kollox biex jgħin lil min kellu bżonnu. Il-kostitwenti tiegħu kienu jafu li setgħu jafdaw fih – mhux għaliex kien iwegħidhom ħafna, imma għaliex kien iwettaq dak li jwiegħed, u dejjem b’umiltà kbira.

Wieħed mill-aktar rwoli importanti fil-ħidma tiegħu kien ukoll meta serva bħala Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista. F’mument ta’ sfidi u tibdil, Francis kien hemm – b’serenità, b’għaqal, u bi mħabba kbira lejn il-PN. Kien jaf li l-politika mhijiex biss dwar strateġija, imma dwar in-nies.

Huwa għen biex jinbnew toroq ta’ komunikazzjoni u fiduċja, ġab maturità u kalma f’mumenti diffiċli, u kien dejjem imbuttat mill-ħsieb li l-PN għandu jkun strument għall-ġid komuni, mhux biss għar-rebħ elettorali.

Min jaf lil Francis jaf li kienet tispikka fih dik it-taħlita rari bejn intelliġenza profonda u sens ta’ ġentilezza. Kien persuna li tieħu gost titkellem magħha – mhux biss għal dak li kien jaf, imma għal kif kien jiżgura li tħossok magħqud, rispettat, milqugħ. Ma kienx politiku mill-istil tas-soltu – kien intellettwali b’passjoni għall-ġustizzja soċjali, b’interess ġenwin f’kull min jiltaqa’ miegħu. U kienet din il-kwalità li għamlitu tant maħbub – anke minn dawk li kienu jappartjenu għal kuluri politiċi differenti.

L-għażla tiegħi biex nappuntah Aġent President ta’ Malta kienet għalhekk għażla naturali u mument simboliku u storiku – li raġel ta’ din il-kalibru jingħata dan ir-rikonoxximent għas-servizz tiegħu lejn il-poplu kollu. U anke f’dik il-kariga, Francis wera d-dinjità, is-serenità u l-imħabba lejn pajjiżu li dejjem kellu. Sal-aħħar mument tiegħu, baqa’ jservi, baqa’ joffri, baqa’ jirrappreżenta dak kollu li jfisser li tkun statista b’valuri.

Għadni niftakar b’għożża kemm feraħ meta sejjaħtlu biex ninfurmah li kien se jkun Aġent President ta’ Malta. Kellu sens ta’ apprezzament umli speċjali. Anki kull darba li mort inżuru kull ġimgħa fl-aħħar xhur, speċjalment meta kien l-isptar, kien juri sens ta’ ferħ speċjali. Bniedem li qatt ma stenna xejn – lanqas li tmur tarah.

Malta tilfet persuna ta’ valur kbir. Il-Partit Nazzjonalista tilef pilastru, u ħafna minna tlifna ħabib. Imma dak li ħalla warajh – ir-rispett li kiseb, l-eżempju li tana, u l-wirt ta’ servizz leali u awtentiku – se jibqa’ jispirana. Se nkomplu nagħmlu ħilitna biex nimxu fuq il-passi tiegħu, fejn il-politika ma tkunx biss dwar poter, imma dwar servizz b’passjoni u b’umiltà.

F’ismi personali, il-familja tiegħi, il-Partit Nazzjonalista u f’isem ħafna oħrajn li kellhom ix-xorti jiltaqgħu, jaħdmu jew jitgħallmu mingħand Francis, ngħid minn qalbi: Grazzi. Grazzi tal-ħbiberija tiegħek. Grazzi tal-pariri li tajt lil ħafna. Grazzi talli wrejtna li l-veru tmexxija tibda mill-umanità. U fuq kollox – grazzi li sal-aħħar nifs tiegħek bqajt isservi lil Malta bl-istess passjoni li kellek fl-ewwel passi tiegħek fil-politika.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 24 ta’ April, 2025.