Opinjoni

OPINJONI: Għall-politika u għal pajjiżu ta kollox

Francis Zammit Dimech hu l-bniedem li ħafna għandhom iħarsu lejh jekk iridu jieħdu bis-serjetà l-vokazzjoni politika. Għall-politika u għall-pajjiżu Francis Zammit Dimech ta kollox

minn Joe M. Zahra

Għal għadd ta’ snin ħdimt ma’ Francis Zammit Dimech. L-ewwel meta kien editur tal-magazin IL-POPLU. U wara meta nħatar Segretarju Parlamentari kif ukoll meta kien ministru. Dejjem ammirajt fih il-ġentlomerija tiegħu. L-onestà tiegħu u l-kilba tiegħu biex jagħmel il-ġid lil kulħadd. Kien politiku li qatt ma neħħa t-tbissima minn fuq wiċċu. Li ħadem bla waqfien sew għall-partit li kien jgħożż u għall-iżvilupp ta’ pajjiżna.

Francis Zammit Dimech kellu memorja fotografika. Niftakar meta kien ikun se jinawgura xi proġett jew iżur xi post fejn il-ministeru tiegħu jkun qed jagħmel ix-xogħol kont nippreparalu d-diskors. Fil-karozza fi triqtna kien jaqrah darba u ma jitlifx kelma milli jkun hemm. Lanqas ċifra waħda milli kont nieħu pjaċir ninkludi! Li kien jimmeraviljani kien li wara li kont nistaqsih b’liema lingwa kien irid id-diskors u pereżempju jgħidli bil-Malti, immorru fuq il-post u jirrealizza li hemm udjenza iktar barranija, kien jaqleb id-diskors li jkollu quddiemu għall-Ingliż. U mill-ġdid ma jitlifx kelma milli jkollu miktuba!

Kontribut lejn pajjiż modern

Fil-ħidma tiegħu ta’ Segretarju Parlamentari u Ministru kkontribwixxa ħafna lejn pajjiż modern li nħareġ minn wieħed tat-tielet dinja għal wieħed żviluppat. Meta kien għadu Segretarju Parlamentari responsabbli mit-telekomunikazzjoni biddel is-sistema tat-telefonija minn waħda bażata fuq erba’ tipi differenti ta’ exchanges għal waħda kompletament diġitali. Bis-sistema diġitali ġew eliminati l-għexieren ta’ eluf ta’ persuni li kienu qed jistennew is-servizz tat-telefon. Fl-istess waqt żdiedu mijiet ta’ ċirkwiti ma’ barra l-pajjiż li mhux biss wasslu għal servizz aħjar iżda wkoll għal servizz ferm orħos. Servizz li għamel ukoll possibbli s-summit bejn il-President Amerikan Bush u dak tal-Unjoni Sovjetika Gorbachev li fl-ibħra madwar Malta difnu l-gwerra bierda.

Kien fi żmien li Francis Zammit Dimech kellu d-dekasteru tal-komunikazzjoni li f’pajjiżna kien introdott il-mobile phone li allura kien wieħed goff iżda li jagħti riżultati. Kien fi żmienu wkoll li daħlu l-istar services li fost l-oħrajn kienu jinkludu t-telecare li għamlet il-ħajja tal-anzjani iktar sikura.

Bħala Ministru Francis Zammit Dimech ħadem bla heda biex twettqu diversi proġetti ta’ importanza għal pajjiżna. Kien hu li nieda u wettaq il-masterplan tad-drenaġġ. Pjan li wassal biex ebda drenaġġ ma baqa’ jiżbokka fil-baħar u biex bajjiet bħal dawk ta’ Tas-Sliema, San Ġiljan, San Pawl il-Baħar, Birżebbuġa u Wied il-Għajn saru tajbin għall-għawm.

Proġetti kapitali

Bħala ministru responsabbli mill-proġetti kapitali Francis Zammit Dimech wettaq il-proġetti tal-promenade ta’ Tas-Sliema, San Ġiljan, Birżebbuġa u Wied il-Għajn. Bħala Ministru għall-Ambjent Francis Zammit Dimech nieda l-Istrateġija għall-Immaniġġjar tal-Iskart Solidu fil-Gżejjer Maltin. Strateġija li poġġiet is-sisien għal diversi miżuri li ttieħdu immedjatament, fosthom l-għeluq tal-miżbla tal-Magħtab, il-ftuħ ta’ bring-in sites u l-bini ta’ secured and controlled landfill.

Francis Zammit Dimech kien responsabbli għall-bini tal-Air Terminal il-ġdid u għall-proġetti kapitali tal-Kottonera, Manoel Island u Tignè u l-Cruise Liner Passenger Terminal.

Proġett ieħor li twettaq fi żmien li Francis Zammit Dimech kellu d-dekasteru tal-proġetti kapitali kien ir-restawr tal-Kavallier ta’ San Ġakbu li minn bini mitluq inbidel f’Ċentru ta’ Kreattività li kien ħafna għal qalb Francis għaliex bħala bniedem li kien iħobb ħafna l-arti u l-kultura kien qed jara f’dan il-proġett tarġa importanti għal dawk il-Maltin li riedu post adegwat fejn ikomplu jiżviluppaw it-talenti tagħhom.

Fil-qasam kulturali Francis Zammit Dimech ħaseb li jiġi esegwit restawr fuq għexieren ta’ bini storiku, knejjes, niċeċ, palazzi, swar, ġonna pubbliċi. It-twaqqif tal-Kumitati għar-Restawr tal-Belt Valletta, l-Imdina u l-Kottonera, li kien imexxi Ray Bondin, kienu l-mutur wara dawn il-proġetti.

Francis beda jorganizza n-Notte Bianca u ġab lejn xtutna l-Isle of MTV.

Bħala ministru responsabbli mit-Turiżmu, meta Francis Zammit Dimech ra s-settur turistiku ġġammjat, ħaseb biex jintroduċi f’Malta l-low cost airlines. Niftakar li f’din il-ħidma tiegħu kien sab oppożizzjoni mhux biss mill-Partit Laburista fl-oppożizzjoni iżda anke minn fost l-istess sħabu. Iżda għaliex kien jaf li qed jagħmel il-ħaġa ġusta baqa’ għaddej sakemm il-linji tal-ajru low-cost bdew jużaw Malta u biex illum kumpanija waħda minnhom iġġorr lejn pajjiżna iktar minn nofs il-passiġġieri.

Fis-snin ta’ Francis Zammit Dimech bħala Segretarju Parlamentari u ministru pajjiżna għadda minn rivoluzzjoni kwieta li poġġiet lil Malta u Għawdex fost il-pajjiżi żviluppati.

Ħidma fil-Partit Nazzjonalista

Il-ħidma ta’ Francis fil-Partit Nazzjonalista kienet waħda assidwa. Ħadem fost iż-żgħażagħ bħala President tal-MŻPN, ħadem bħala editur tal-magazin ‘Il-Poplu’. Ħadem bħala Segretarju Informazzjoni tal-PN. Ħadem bħala Segretarju Ġenerali tal-PN. Baqa’ jaħdem fil-Partit Nazzjonalista sakemm inħatar Aġent President.

Francis Zammit Dimech hu l-bniedem li ħafna għandhom iħarsu lejh jekk iridu jieħdu bis-serjetà l-vokazzjoni politika. Għall-politika u għal pajjiżu Francis Zammit Dimech ta kollox.

Francis kien jisma’ ħafna. Niftakar kull filgħodu kien jibgħat għalija u jistaqsini x’qed jgħidu. Jien kont ngħidlu dak li hu ħażin. M’hemmx dubju li t-tajjeb ikun hemm ħafna min jgħidulek. Anke biex jingħoġob! Darba niftakar b’nofs tbissima qalli: Tibdieli tajjeb il-ġurnata int! Kont pront weġibtu: Mela ma ngħidlek xejn iżjed. Kien pront wieġeb: Le, kompli għidli għaliex mingħandek nisma’ l-verità! Dak kien Francis. Bniedem li kont tħossok at ease miegħu. Tgħidlu li trid mingħajr ma jitfantas jew jieħu għalih.

Lil Francis nibqgħu nafuh għat-tbissima tiegħu li tisirqek. Għall-karattru ġentili tiegħu. Għall-karattru ferrieħi tiegħu. Għal-lealtà tiegħu lejn il-Partit Nazzjonalista u pajjiżna. Għall-ħidma bla waqfien għal dak kollu li kien jemmen fih.

Francis m’għadux iktar magħna. Iżda dak kollu li ħadem għalih jibqa’ magħna. Għal dejjem.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 24 ta’ April, 2025.