Opinjoni

OPINJONI: Għas-servizz tal-oħrajn u QATT għalih

Qatt, f’għexieren ta’ snin fil-ħidma politika tiegħu, ma adotta pożizzjonijiet opportunistiċi…

minn Victor Camilleri

Fis-sigħat u l-ġranet ta’ wara l-mewt ta’ Francis Zammit Dimech smajna u qrajna ħafna dwar kif kien jaħdem kull fejn kien. L-enfasi kienet li ta’ bniedem altruwist li kien, hu dejjem ġab l-ewwel l-interessi tal-oħrajn u qatt dawk tiegħu. Dan jien kont nafu sew għaliex ma’ Francis kelli x-xorti li naħdem fil-qrib f’diversi stadji ta’ ħajtu u tal-karriera tiegħu.

Li forsi mhux kulħadd jaf hu li din il-karatteristika tant prominenti f’ħajtu ma kinetx xi riżultat tal-karattru fabbli tiegħu iżda kienet għażla konxja li ispiratu tul ix-xogħol kollu li wettaq.

U dan hu miktub minnu nnifsu f’pubblikazzjoni ta’ ħafna żmien ilu li fiha kiteb kummentarju dwar Eddie Fenech Adami.

Kliemu preċiż kien dan: I can never sufficiently express my gratitude while spreading the message which he (Eddie Fenech Adami) always upheld and which always inspire me in my political work: look upon politics as a means to be of service to others and never for you own sake.

Il-magħmudija tan-nar

Isem Francis Zammit Dimech kien diġà magħruf sew sa minn ta’ pjuttost żgħira minħabba l-involviment fil-qasam tax-xandir u wkoll bħala l-fundatur tal-moviment popolari taż-żgħażagħ 4Ts (Teens and Twenty Talent Trust) iżda jien l-ewwel li ltqajt miegħu kien ftit jiem wara waħda minn Jum l-Indipendenza ta’ kmieni fis-sebgħin meta l-PN kien organizza mass meeting fil-Blata l-Bajda proprju fil-21 ta’ Settembru.

Dakinhar Francis kien ġie attakkat fiżikament minn grupp ta’ partitarji Laburisti li kienu ġew f’dawk l-inħawi biex jisfrattaw dik l-attività tal-PN.

Niftakar li lil Francis konna intervistajnieh għan-Nazzjon u diġà kien wera f’dik l-okkażjoni li hu ma kienx xi ġuvnott li se jaqta’ qalbu jirtira mal-ewwel skoll li jiltaqa’ miegħu. Biż-żmien irrealizzajt ukoll li twemminu kien żonqri u qatt, f’għexieren twal ta’ snin ħidma politika, ma adotta pożizzjonijiet opportunistiċi.

Aktar fil-qrib

Matul iż-żmien, iżda dejjem fis-sebgħinijiet, erġajt iltqajt miegħu mill-qrib meta l-partit kien għażilni bħala Night Editor tan-Nazzjon u lil Francis bħala għajnuna f’dak ix-xift bħala Assistant Night Editor.

Hemmhekk fhimt aħjar li dak iż-żagħżugħ kellu ħafna talent b’mod speċjali fejn jidħlu l-kitba u l-ġurnaliżmu.

Meta mbagħad Francis iggradwa bħala avukat infetħet quddiemu triq oħra li fiha seta’ jibbrilla u jpoġġi fil-politika dak li kien tgħallem.

Beda, allura flimkien mal-ħidma politika tiegħu, jaħdem ukoll fil-Qorti u wieħed mill-ewwel ‘klijenti’ li kellu kont proprju jien.

Sadattant kont bdejt nokkupa l-kariga ta’ editur tan-Nazzjon u, puntwalment, waslet ukoll l-ewwel kawża kontra tiegħi u kontra l-gazzetta. Niftakar li xejn ma kien każ faċli għaliex fin-nofs kien hemm il-figura tal-President ta’ Malta li f’artiklu fil-ġurnal tagħna kien kritikat – jien insostni, ġustament – minħabba fin-nuqqas ta’ azzjoni tiegħu dwar dak li kien qed iwettaq il-Gvern Laburista rigward il-Qrati.

Kont sirt naf li l-Pulizija – bl-ogħla uffiċjali tagħhom preżenti fl-awla – kienu qed jitolbu għal sentenza ħarxa, jiġifieri ħabs għalija u għall-awtur tal-artiklu. Bl-għaqal ta’ Francis Zammit Dimech u l-mod kif iddefendi weħilna ‘biss’ multa qawwija!

Fil-front tal-battalja

Francis baqa’ javvanza kemm fil-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista, tant li kien sar il-President u wkoll fil-PN u issa kien sar uffiċjalment, kandidat għall-Elezzjoni Ġenerali tal-1981.

Ma kienx xi debutt impressjonanti għar-rigward tal-voti li kiseb, iżda fl-istil ta’ Francis, li mbagħad sirna tant nammiraw fih, hu mhux talli ma qatax qalbu talli saħħaħ fehmtu, irdoppja l-isforzi tiegħu u dan wassal biex fl-1987 mhux biss żied ħafna fil-voti, iżda wkoll għall-ewwel darba jidħol fil-Parlament wara elezzjoni każwali fid-9 Distrett fis-siġġu vakat minn Ċensu Tabone.

Din l-esperjenza tiegħu fil-Parlament damet, b’kollox, 30 sena, sal-2017, mingħajr interruzzjonijiet. F’dak il-perjodu kif nafu, kien kemm-il darba Segretarju Parlamantari u Ministru ta’ tant dekasteri, kull darba li l-PM kien fil-gvern. U f’dawk il-karigi wettaq proġetti kbar b’risq pajjiżna.

Francis bħala editur

Kif diġà rajna, Francis kellu rabta qawwija mal-ġurnalizmu u allura xejn ma kienet sorpriża meta l-ewwel fl-MŻPN kien intgħażel bħala editur tal-magazin Iż-Żgħażagħ u, aktar tard, wara l-1987 il-PN ħatru editur tal-magazin Il-Poplu.

Din tal-aħħar kienet pubblikazzjoni ta’ livell għoli u damet perjodu konsiderevoli fiċ-ċirkolazzjoni. Kien magazin ta’ kwalità b’ħafna kittieba ta’ prestiġju jagħtu l-kontribut tagħhom. Għandi l-fortuna li nippossiedi l-kollezzjoni sħiħa li, fil-biċċa l-kbira, tiffoka fuq il-ħidma sfiqa tal-PN fil-gvern wara li kien elett fl-1987.

Awtur ta’ erba’ kotba

F’din il-kitba tal-lum iffukajt l-aktar fuq aspett tal-kitba fil-karriera politika twila ta’ Francis u, allura, jixraq li nagħlaq billi nfakkar fl-erba’ kotba ta’ stoffa li kiteb.

■ L-ewwel ma kiteb kien The Poll of 1976 li kien kummissjonat mill-PN dwar l-Elezzjoni Ġenerali tal-1976 li fiha seħħew numru kbir ta’ corrupt practices li, ċertament, kieku seħħew f’xi pajjiż tabilħaqq demokratiku kien jirrendu dik l-elezzjoni waħda irregolari. F’dak il-ktieb, Francis kien megħjun b’għadd kbir ta’ dokumenti uffiċjali li l-PN kien poġġa għad-dispożizzjoni tiegħu.

■ Fl-1986, Francis Zammit Dimech kiteb The Untruth Game – Broadcasting Under Labour, li fih għal darb’oħra hemm dokumentazzjoni imprezzabbli ta’ dak li kien seħħ fil-qasam tax-xandir taħt gvern li mhux biss ħataf għalih ix-xandir nazzjonali iżda elimina għalkollox lill-PN fl-oppożizzjoni.

Sena wara, fl-1987, Francis ippubblika traduzzjoni bil-Malti u aġġornata b’dak li kien kompla jseħħ fil-frattemp.

■ Lejlet l-elezzjoni tal-1987, flimkien ma’ Michael Frendo, kien l-editur tal-ktieb mill-isbaħ EDDIE – l-għażla tal-poplu, mimli ritratti bil-kulur tal-meetings kollha tal-PN organizzati minn meta Eddie Fenech Adami beda jmexxi fl-1977.

Il-produzzjoni ta’ dan il-ktieb kienet ta’ Eddie Aquilina li prattikament kien ġibed ir-ritratti kollha pubblikati. Pubblikazzjoni li kienet akkwistata minn eluf ta’ Maltin.

■ L-aħħar ktieb ta’ Francis hu wkoll marbut max-xandir pubbliku bit-titlu The Role, Dutiest and Obligations of the Public Broadcasting in Malta, pubblikat minn Kite Group (2022).

Dan il-ktieb hu frott tal-esperjenza kollha li Francis akkumula matul is-snin f’dan il-qasam, u hu l-qofol tat-teżi tiegħu li permezz tagħha kiseb il-PH.D fix-xandir.

Għażilt li nfakkar lil Francis Zammit Dimech minn dan l-aspett għaliex mhux kulħadd jaf biżżejjed x’wettaq dan il-politiku bravu u onest tul ħajja mimlija sax-xfar.

Ta’ dan kollu – u ħafna aktar ukoll – lil Francis inwegħduh li ma ninsewh qatt. Jixraqlu bil-kbir. Il-memorja tiegħu se tibqa’ magħna.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 24 ta’ April, 2025.