mid-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg
Illum se niltaqgħu biex insellmulek, suppost għall-aħħar darba, imma jiena naf li se jgħaddu bosta snin u aħna se nibqgħu nsemmu lilek u l-memorji sbieħ li għandna tiegħek, ta’ dak li għamilt u ta’ xi tfisser għalina.
Bla dubju ta’ xejn li f’dawn l-aħħar ġranet intużaw bosta aġġettivi biex jiddiskrivu dak li kont għal ħafna nies. Spikkaw il-kliem “ġentlom” u “lejali.” U hekk hu. Imma hemm ħafna iktar aġġettivi li jixirqulek.
Il-vjaġġ politiku tiegħek kien immarkat b’sens kbir ta’ dover f’kull rwol tiegħek fil-ħajja pubblika. Karriera twila bħala membru tal-Parlament Malti, Ministru f’bosta setturi differenti, membru tal-Parlament Ewropew, Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista u dan l-aħħar Aġent President. Kull fejn kont, ħallejt il-marka tiegħek. Qdejt b’sens kbir ta’ mħabba u servizz għall-pajjiż u l-poplu.
Kemm kont nitpaxxa nisimgħek tirrakkonta l-aneddoti politiċi tiegħek. U kemm għamilt ġid għal Malta fit-telekomunikazzjoni, fit-turiżmu, fil-kultura u fl-affarijiet barranin.
Għamilt dan kollu u bqajt int – Francis … jew Ċikku wkoll!
Kulħadd faħħrek
Ma naf lil ħadd li ma faħħrekx. Ibda minn dawk li ħadmu miegħek, dawk li kkontestaw miegħek, għall-avversarji politiċi. Kulħadd kelma waħda, “Xi tlifna!”
Jiena sirt nafek ħafna snin ilu meta kont attiva sew bħala attriċi u kantanta. Kull spettaklu li ħadt sehem fih kienet tiġri l-kelma, “hawn Francis.” Nistħajjel li int kont il-boll li jissiġilla l-valur ta’ produzzjoni. La ġie Francis, nistgħu nibdew. U wara, ħalli għalik biex iddur u tifraħ lil kulħadd, wieħed wieħed u waħda waħda. Konna speċjali f’għajnejk u int ma kontx toqgħod lura milli turi l-apprezzament tiegħek b’dik il-bewsa sinonima miegħek.
Il-passjoni tiegħek għall-kultura, għall-arti, għal dak li hu sabiħ, dak li hu tajjeb, imma fuq kollox għal dak li hu Malti, kienet tispikka u kulħadd kien jaraha bħala karatteristika speċjali tiegħek. Meta saħħtek marret lura, bqajt tagħmel l-isforz biex tattendi t-teatru biex tara ż-żfin u l-opra.
Sirt iktar qrib tiegħek meta d-deċiżjoni li nidħol għall-politika wasslet biex tneħħejt mill-ħidma tiegħi bħala preżentatriċi fit-TV. Grazzi għat-tmexxija legali tiegħek, u t-tim tiegħek, dħalna l-qorti, u, wara ħafna, ħadna r-raġun. Wara kollox, il-liġi tax-xandir kienet għal qalbek ħafna.
Kont dejjem hemm
Meta jien ġejt eletta fil-Parlament ta’ Malta, kelli x-xorti li nkun taħt ġwinħajk. Dejjem kont lest biex tismagħni, biex tagħtini l-pariri u tiggwidani. Hemmhekk bdejt nifhem iktar l-għerf tiegħek, l-imħabba tiegħek lejn il-politika u l-livell ta’ intellettwalità li kellek. Dejjem tikkwota x’qal dak l-awtur jew l-ieħor. Dejjem tirrakkomanda xi ktieb tajjeb. Kont int li introduċejtni ma’ Yuval Noah Harari.
Id-diplomazija tiegħek f’mumenti diffiċli, l-arti tal-persważjoni, il-ġentilezza ta’ kif tiddibatti allavolja bi kliem sod u iebes, kienu karatteristika tiegħek. Ġieli bqajt nisma’ diskorsi tiegħek biex nitgħallem. Kellek elokwenza li ftit rajt bħalha. Kont kapaċi titkellem fuq kollox. Dejjem bi kliem imwieżen, mirqum u ta’ rispett.
Dan l-aħħar konna nitkellmu spiss fuq saħħtek, imma kont tippreferi li nitkellmu fuq affarijiet oħra. Dejjem ottimist li qed tħossok “ftit” aħjar. Imma nhar is-Sibt indunajt mill-ħarsa t’għajnejk u l-għafsa għajjiena ta’ jdejk li din kienet tal-aħħar.
Mumenti li nibqa’ ngħożż
Se ngħożż u niftakar fil-mumenti sbieħ li qsamna flimkien. Inħossni privileġġjata li kont nafek mill-qrib. Min jaf nerġgħux niltaqgħu għal xi ikla tajba! Issa strieħ fis-sliem għax dan l-aħħar batejt wisq!
Kun af li l-Ġiljaniżi kburin bik daqs kemm inti kont kburi bihom u b’San Ġiljan. Aħna kollha kburin bik.
Illum b’qalbi maqsuma ngħidlek: “Grazzi minn qalbi għażiż.” Se nħoss ħafna n-nuqqas tiegħek imma biex nuża frażi tiegħek stess – x’unur!
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 24 ta’ April, 2025.
//= $special ?>