minn Mark A. Sammut Sassi
Il-Konvenzjoni Ewropea tal-Jeddijiet tal-Bniedem (KEJB) hi ftehima internazzjonali bejn il-pajjiżi kollha tal-Ewropa (ħlief ir-Russja u l-Belarus) li biha jiġu garantiti l-jeddijiet fundamentali lil kull min jinsab fit-territorji tal-pajjiżi firmatarji.
Dil-Konvenzjoni fiha għadd ta’ protokolli, fosthom il-Protokoll 16 li bis-saħħa tiegħu l-Qorti Ewropea tal-Jeddijiet tal-Bniedem tista’ tintalab u fil-fatt tagħti opinjonijiet konsultattivi lill-qrati tal-pajjiżi firmatarji tal-Konvenzjoni li jirratifikaw il-Protokoll.
Qabel ma nidħlu fid-dettall dwar dal-opinjonijiet, tajjeb nistqarru mill-bidu nett li ftit huma l-pajjiżi li ffirmaw jew irratifikaw dal-Protokoll 16. Hemm argument f’saħħtu kontra r-ratifika tal-Protokoll 16: l-opinjonijiet konsultattivi maħruġin mill-Qorti Ewropea tal-Jeddijiet tal-Bniedem (il-Qorti ta’ Strasburgu) jaf jimminaw is-sovranità nazzjonali u d-diskrezzjoni tal-ogħla tribunali tal-pajjiż.
Il-Protokoll 16: x’inhu?
Jagħmel sens loġiku li ngħidu kelmtejn dwar dal-Protokoll, li sar fi Strasburgu fit-2 ta’ Ottubru tal-2013. (“Protokoll” hu ftehima sussidjarja għal konvenzjoni li joħloq obbligi li jorbtu skont il-liġi internazzjonali.)
Sal-lum, huma 24 l-Istati li ffirmawh u rratifikawh: Albanija, Andorra, Armenja, Azerbajġan, Belġju, Bożnja-Herzegovina, Estonja, Finlandja, Franza, Ġorġa, Greċja, Litwanja, Lussemburgu, Monako, Montenegro, Pajjiżi Baxxi (Olanda), Maċedonja ta’ Fuq, Moldova, Rumanija, San Marino, Slovakkja, Slovenja, Żvezja, u Ukrajna. L-Istati li ffirmawh imma ma rratifikawhx huma erbgħa: Italja, Norveġja, Spanja u Turkija.
Malta hi ma’ dawk li ma ffirmawhx.
Minkejja li Malta ma ffirmatux, il-Protokoll jinsab tradott ukoll għall-Malti (www.echr.coe.int/ documents/d/echr/ convention_mlt). Jien jidhirli li hemm xi żbalji f’dit-traduzzjoni. Nitlob lill-awtoritajiet jitkellmu mal-Kunsill tal-Ewropa ħalli jsiru l-korrezzjonijiet meħtieġa. Ngħidu aħna, it-titoli “Abolizzjoni tal-piena tal-mewt” u “Projbizzjoni ta’ derogi” għandhom jitneħħew minn taħt “Artikolu 1” u “Artikolu 2” rispettivament.
Fl-Artikolu 1, il-Protokoll jitkellem ċar: “L-ogħla qrati u tribunali ta’ [Malta, kieku Malta tirratifika] jistgħu jitolbu lill-Qorti [ta’ Strasburgu] biex tagħti opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ta’ prinċipju relatati mal-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet definiti fil-Konvenzjoni jew fil-protokolli tagħha.”
Fi kliem ieħor, kieku Malta tirratifika l-Protokoll 16, l-ewwel artikolu tiegħu jagħti s-setgħa lill-ogħla qrati Maltin li jitolbu lill-Qorti ta’ Strasburgu tagħtihom fehma dwar kustjonijiet ta’ prinċipju. Imma, jgħidilna t-tieni paragrafu ta’ dal-Artikolu: “Il-Qorti jew it-tribunal li jagħmlu t-talba jistgħu jitolbu opinjoni konsultattiva biss fil-kuntest ta’ każ pendenti quddiemhom.”
L-Artikolu 5 iserraħ ras kulħadd li l-opinjoni li tagħti l-Qorti ta’ Strasburgu tkun biss konsultattiva u ma torbotx – “L-opinjonijiet konsultattivi m’għandhomx ikunu vinkolanti”.
(L-Artikolu 10 tal-Protokoll iħalli lil Malta – kieku tirratifika – tgħarraf lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa liema qrati Maltin ikunu jistgħu jitolbu dal-opinjonijiet.)
L-iskop
Dal-mekkaniżmu ta’ djalogu bejn il-Qrati jippermetti lill-Qorti ta’ Strasburgu tiċċara tifsir il-Konvenzjoni fi kwestjonijiet ta’ prinċipju biex b’hekk jiġu evitati l-kontroversji.
Irridu nżommu quddiem għajnejna li l-KEJB hi maħsuba biex titħaddem mill-qrati nazzjonali u mhux għal kull każ li jinqala’ wieħed irid joqgħod imur Strasburgu. L-opinjonijiet konsultattivi huma għodda siewja biex dal-mekkaniżmu jaħdem sew: qorti nazzjonali jkollha każ quddiemha, tiġi f’dubju dwar it-tifsir tal-Konvenzjoni, u titlob lill-Qorti ta’ Strasburgu tagħtiha daqqa t’id fil-forma ta’ opinjoni konsultattiva, li l-qorti nazzjonali mhix obbligata timxi magħha.
Biżgħat ta’ natura kostituzzjonali
Il-bużillis hu li għadd ta’ pajjiżi Ewropej jibżgħu li jekk jirratifikawh dal-Protokoll ikunu qed jimminaw is-sovranità tagħhom u d-diskrezzjoni tal-qrati tagħhom. Għax filwaqt li hu minnu li l-Protokoll jgħid li l-opinjonijiet ma jorbtux (mhumiex “vinkolanti”), jibqa’ l-fatt li hu pjuttost diffiċli ma tagħtix kas tal-opinjoni tal-Qorti ta’ Strasburgu. Trid tkun altru ċert minnek innifsek bħala mħallef biex il-Qorti ta’ Strasburgu tagħtik parir timxi mod, u int timxi ieħor.
Dal-argument qisu munita b’żewġt uċuh. F’wiċċ minnhom għandek il-punt li ma tistax taqbad u tinjora l-opinjoni tal-Qorti ta’ Strasburgu kif ġab u laħaq. Fil-wiċċ l-ieħor, proprju għax diffiċli li tkun injorata l-opinjoni tal-Qorti ta’ Strasburgu, dal-opinjonijiet konsultattivi se jibda jobdihom kulħadd – tant li saħansitra l-Qorti ta’ Strasburgu nnifisha qed tqishom bħala…
Ġurisprudenza
…li tfisser li deċiżjoni tal-Qorti tant ikollha prestiġju li tikseb is-saħħa ta’ liġi, u kulħadd jibda jimxi magħha bħalkieku d-deċiżjoni tal-qorti hija liġi.
Hemm awturi li nnutaw li filfatt il-Qorti ġa bdiet tinqeda bl-opinjonijiet konsultattivi tagħha stess bħala res interpetata fid-deċiżjonijiet tagħha. (Res interpretata jiġifieri d-dmir tal-Istati li jinterpretaw il-liġi nazzjonali skont il-prinċipji tal-liġi internazzjonali.)
Ġaladarba l-opinjonijiet konsultattivi skont il-Protokoll 16 qed jitqiesu ġurisprudenza, hu minn ewl id-dinja li l-Istati kollha (anki dawk li ma rratifikawx) se jintlaqtu minn dal-opinjonijiet. Allura l-pajjiżi li ma rratifikawx se jispiċċaw ikollhom jimxu mal-ġurisprudenza maħluqa mill-opinjonijiet konsultattivi mingħajr ma jkollhom l-opportunità li huma stess jikkontribwixxu għall-ħolqien ta’ dik il-ġurisprudenza. Ma jidhirlix li din hi xi strateġija partikolarment intelliġenti.
Il-biżgħat kostituzzjonali – li l-Qorti ta’ Strasburgu tispiċċa tiddetta l-eżitu tal-kawzi quddiem il-qrati nazzjonali – għandhom jitwarrbu wkoll minħabba l-fatt li l-Qorti ta’ Strasburgu tesprimi ruħha (kif għedna) fuq kwestjonijiet “ta’ prinċipju” u mhux fuq il-fatti tal-każ innifsu.
L-opinjonijiet sal-lum
Sal-lum, il-Qorti ntalbet tagħti opinjoni konsultattiva 11-il darba. Erbgħa minn dat-talbiet, il-Qorti ċaħdithom; tat opinjoni fis-sebgħa l-oħrajn.
Das-seba’ opinjonijiet inħarġu mill-2019 ’il hawn, fost l-oħrajn lill-Armenja, lil Franza, u lill-Belġju. Fihom il-Qorti ta’ Strasburgu rażżnet lilha nnifisha u tkellmet biss dwar kwestjonijiet ta’ prinċipju, u ħalliet ħafna diskrezzjoni lill-qrati nazzjonali li talbu għall-opinjonijiet.
Ta’ sikwit, il-Qorti ta’ Strasburgu użat kliem bħal “gwida”, “kriterji”, “b’mod ġenerali” fl-opinjonijiet tagħha u saħqet li sta għall-qorti nazzjonali li talbet l-opinjoni li taqta’ l-kawża skont “iċ-ċirkostanzi partikolari tal-każ”.
Jidher li l-Qorti ta’ Strasburgu rnexxielha ssib l-ekwilibriju billi tagħti opinjonijiet dwar “prinċipji” u dal-prinċipji mbagħad isiru ġurisprudenza (u res interpretata).
Malta
Kif għedna, Malta la ffirmat u lanqas ma rratifikat il-Protokoll 16. Jien tal-fehma li jkun fl-interess ta’ kull min jgħix jew ikun jinsab f’Malta li pajjiżna minnufih jiffirma u jirratifika l-Protokoll 16, ħalli l-qrati tagħna jkollhom il-possibbiltà jitolbu lill-Qorti ta’ Strasburgu tiċċaralhom fejn jista’ jkollhom dubju dwar it-tifsir tal-Konvenzjoni Ewropea tal-Jeddijiet tal-Bniedem.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 24 ta’ April, 2025.
//= $special ?>