minn Angelo Micallef
Din il-ġimgħa kienet waħda li fuq livell nazzjonali u fuq livell internazzjonali tista’ biss tiġi deskritta bħala waħda ta’ telf.
Telf ta’ tnejn min-nies li b’mod totalment differenti u fuq livelli totalment differenti ddedikaw ħajjithom għal sens qawwi ta’ servizz u għal ħidma bla waqfien b’risq l-oħrajn.
Papa Franġisku – ikona tad-determinazzjoni
Il-mewt ta’ Papa Franġisku sfortunatament qajla kien sorpriża kbira. Ilkoll assistejna għal katina ma taqta’ xejn ta’ problemi ta’ saħħa li kien qiegħed isofri l-Papa.
Il-fatt li minkejja din it-tbatija ma taqta’ xejn, Papa Franġisku baqa’ jwettaq id-dmir tiegħu litteralment sa ftit sigħat qabel miet hija testimonjanza tal-aqwa livell tal-kobor ta’ dan ir-raġel. Bniedem li mingħajr daqq ta’ trombi, anzi b’umiltà li qatt ma rajna bħalha, ra li jaqdi dmiru bħala r-ragħaj spiritwali tal-komunità Kattolika madwar id-dinja.
Bniedem li minkejja kull tfixkil li sab, inkluż xi kultant min uħud li wieħed jistenna ferm aħjar minnhom, baqa’ għaddej bi tbissima imma b’determinazzjoni u mħabba. Imħabba lejn Alla, imħabba lejn il-Knisja u mħabba lejn l-umanità.
Wieħed seta’ forsi ma jaqbilx ma’ kull opinjoni li lissen Papa Franġisku imma wieħed ma seta’ qatt jakkuża lil Papa Franġisku li ma kienx jgħix huwa stess dak li jipprietka. Bniedem li emmen li l-azzjoni titkellem aktar ċara mill-paroli u allura ra li bl-imġiba tiegħu jwassal il-qofol tal-messaġġ reliġjuż tiegħu.
M’għandi ebda dubju li għad irid jinkiteb ħafna dwar Papa Franġisku. M’għandi ebda dubju li l-ħajja ta’ Papa Franġisku għadha trid tagħtina aktar tagħlimiet. Papa Franġisku kellu abbiltà unika li filwaqt li jwassal sentiment ta’ hena u mħabba jwassal ukoll messaġġ ċar u xi kultant iebes u mingħajr kantunieri.
Litteralment sal-aħħar messaġġ li kellu jinqara għaliex saħħtu ma tatux l-abbiltà jaqrah hu stess baqa’ jwassal messaġġi ċari u mingħajr tidwir ma’ kantunieri.
Fl-aħħar urbi et orbi li wassal Papa Franġisku stqarr li “Nessuna pace è possibile laddove non c’è libertà religiosa o dove non c’è libertà di pensiero e di parola e il rispetto delle opinioni altrui”. Messaġġ qawwi u tal-aħħar mill-Papa Franġisku. Papa li dejjem emmen fil-libertà reliġjuża; Papa li dejjem emmen fil-libertà tal-ħsieb u fir-rispett reċiproku.
Strieħ fis-sliem Santità; nhar is-Sibt li ġej il-komunità Kattolika mifruxa madwar id-dinja ddawwar ħarsitha lejn il-pjazza tal-Vatikan biex hemmhekk troddlok l-aħħar tislima u grazzi.
Francis Zammit Dimech – xempju ta’ lealtà
Fuq livell lokali t-telfa ta’ Francis Zammit Dimech hi waħda kiefra ħafna. Bniedem li tul il-ħajja politika tiegħu wera tassew xi tfisser li tkun leali. Leali lejn il-kostitwenti; leali lejn il-poplu; leali lejn il-pajjiż; leali lejn il-valuri li temmen fihom u leali lejn il-partit politiku li temmen li huwa l-aqwa vettura għal pajjiżna.
Jekk tibda ssemmi l-kisbiet li għamel Francis Zammit Dimech u li f’pajjiżna raddew il-frott tista’ tagħmel elenku li jieħu aktar minn teżi. Kien tassew politiku tan-nies għaliex kien jemmen f’politiku min-nies għan-nies.
Propju llum fil-knisja tal-Balluta, fil-lokalità ta’ San Ġiljan li dejjem ħabb u tant kien kburi li kien hemm, Francis Zammit Dimech se jingħata l-aħħar tislima.
Isellmulu se jkun hemm nies ta’ kull fehma għaliex Francis Zammit Dimech kien bniedem li filwaqt li kien determinat fi kliemu u ħidmietu kellu abbiltà speċjali li jagħmel dan b’sens ta’ rispett lejn l-avversarju politiku. Mhux ta’ b’xejn igawdi stima hekk kbira minn kull naħa u sfera tas-soċjetà Maltija.
Kelli bosta opportunitajiet nitkellem ma’ Francis Zammit Dimech. Ħdimt miegħu b’mod dirett fil-proċess tar-riforma tal-Istatut tal-Partit Nazzjonalista li sar ftit tas-snin ilu.
Kien bniedem li kull darba li tkellmu tibqa’ impressjonat bis-sens qawwi ta’ servizz li kellu. Kemm kien jiġih b’mod naturali l-ħsieb ta’ kif se jkun ta’ servizz għall-oħrajn.
Bħala Malti, bħala Nazzjonalist, bħala attivist fi ħdan il-Partit Nazzjonalista u bħala ċittadin nista’ biss ngħid grazzi tal-ħidma bla waqfien li wettaq.
Strieħ fis-sliem, Francis; m’għandi ebda dubju li qed tgawdi l-paċi ta’ dejjem.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis, 24 ta’ April, 2025.
//= $special ?>