minn Tonio Borg
Tlift ħabib. Niftakar lil Francis sena qabli fil-Kulleġġ San Alwiġi. Kollu ħeġġa enerġija u inizjattivi. Kien għadu l-kulleġġ meta waqqaf il-Teens and Twenties Talents Trust (4T’s) b’sede sabiħa fil-Floriana.
Kien jiġbor iż-żgħażagħ f’ambjent sabiħ, b’diskussjonijiet, inizjattivi, discos. Imbagħad konna l-Università flimkien għal ħames snin sħaħ, fl-eqqel tal-pseudo riformi fl-edukazzjoni. Francis kien il-President tal-Istudenti. Kien jorganizza protesti, laqgħat u meetings.
Darba qala’ daqqa ta’ ponn minn uffiċjal tal-Pulizija. Darb’oħra ħarbtulna d-dimostrazzjoni tal-istudenti f’nofs Triq ir-Repubblika. Għamel kawża kostituzzjonali u rebaħha. Għadni ngħożż, għandi ritratt li ħadulna l-Pulizija tas-Security mingħajr ma konna ntbaħna. Jien inżomm il-bandlora tal-istudenti u hu jindirizza l-istudenti bilqiegħda f’nofs id-daħla tal-Università. Wara l-elezzjoni tal-1987 xi ħadd, illum mejjet, bagħatli kopja tar-ritratt.
Trabbejna flimkien fil-partit jien, Ċensu Galea u Francis. It-tlieta li aħna konna Presidenti fi żminijiet differenti tal-Moviment Żgħażagħ tal-Partit Nazzjonalista. L-ewwel Ċensu, imbagħad jien, imbagħad Francis. Konna noħorġu kontra xulxin, iżda l-għada qisu ma ġara xejn. Kulħadd f’postu u jiġbed ħabel wieħed.
Meta ġejna biex noħorġu għall-elezzjoni tal-1981, b’ħalib ommna għadu fi snienna politikament, lanqas biss applikajna bħala kandidati. Louis Galea ġustament assuma li konna se nkunu kandidati u ressaq isimna għall-approvazzjoni tal-Eżekuttv tal-PN.
Fl-2004 jiena u Francis ikkontestajna għal kariga ta’ Viċi Kap. Ġietlu l-idea li ninnominaw lil xulxin. Hu nnomina lili u jien innominajt lilu. Meta ġejt elett jien, kiteb artiklu mill-isbaħ f’ġurnal lokali bl-Ingliż. Dak kien Francis.
Kull erba’ ġimgħat, sa minn mindu ġejt lura minn Brussell fl-2014, konna niltaqgħu għal kafè. Hu dejjem jieħu l-istess espresso, idum jixorbu nofs siegħa. Kienu jogħġbuh il-croissants bil-perżut u l-ġobon. Kien kuraġġuż minkejja l-marda li kienet fuqu iktar minn 10 snin. Konna nitkellmu fuq kollox u kulħadd.
Meta l-partit riedu Segretarju Ġenerali f’mument delikat fl-istorja tal-Partit Nazzjonalista, aċċetta. Meta għal żmien il-kampanja elettorali tal-2013, meta jiena mort Brussell, Lawrence Gonzi riedu Ministru tal-Affarijiet Barranin, aċċetta.
Meta ridnieh jagħmel diskorsi – u kien oratur mirqum, hu kien jaċċetta. Konna nidħku flimkien nirrakkontaw meta darba Fenech Adami fil-Parlament, l-ewwel qallu biex jagħmel diskors għax kien hemm bżonn “intawlu”, imbagħad bagħatni ngħidlu biex jagħlaq. Francis baqa’ għaddej. Meta Eddie saqsieni x’kien ġara, għedtlu: “Qed jipprova jagħlaq imma ma jistax!”
Fejn qiegħda l-forma li biha kienu jissawru u jitrawmu nies bħal Francis Zammit Dimech? Kienet forma unika. Iżda għad għandna bżonn nies bħal Francis li jippersonifikaw il-lealtà, l-irġulija u l-bżulija.
L-isbaħ monument li nistgħu nagħmlu lil Francis hu li nimitawh fil-ħwejjeġ sbieħ li wettaq, u li nwegħduh iktar ħidma fil-partit għall-ġid tan-nazzjon.
Saħħa Francis!
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 24 ta’ April, 2025.
//= $special ?>