Pellegrinaġġ penitenzjali fl-okkażjoni tal-Ġublew tal-Fratellanzi mmexxi mill-Arċisqof Charles Scicluna, sar ilbieraħ filgħaxija fil-festa ta’ San Girgor matul it-toroq taż-Żejtun.
Il-pellegrinaġġ beda mill-Knisja tal-Madonna tal-Ħniena għall-Knisja Arċipretali ta’ Santa Katerina fejn tkompliet il-liturġija tal-Kelma u saret riflessjoni mill-Arċisqof. II-pellegrinaġġ intemm b’quddiesa fil-Knisja ta’ San Girgor immexxija minn Mons. Hector Scerri. Fil-pellegrinaġġ ħadu sehem il-Kapitlu Metropolitan flimkien ma’ aktar minn 300 fratell.
F’riflessjoni li saret fil-Knisja Arċipretali ta’ Santa Katerina, l-Arċisqof irrefera għall-istedina li saret lil Ġesù mid-dixxipli ta’ Għemmaws u staqsa lill-fratelli preżenti xi stedina se jagħmlu huma lil Ġesù: “Se nitolbuh jibqa’ magħna? Jew meta jippretendi li jrid jibqa’ sejjer għal għonq it-triq, inħalluh, għax il-Kelma tiegħu ċċanfarna wisq? … Ma ninsewx li Ġesù, li jissieħeb magħna fit-triq, u intom fratelli u pellegrini, jistedinna biex nisimgħuh fil-Kelma tiegħu, u li nħalluh jitmagħna bil-ħobż tiegħu.”
//= $special ?>