Qorti

Ir-Racket tal-benefiċċji soċjali: Sa issa terz tal-flus iffrodati ġew irkuprati mid-Dipartiment

Sa issa huma terz minn ftit aktar minn €6 miljun fi frodi tal-benefiċċji tad-diżabbiltà, li ġew irkuprati mid-Dipartiment u aktar minn €3 miljun oħra hemm ftehim dwarhom biex jitħallsu lura b’rata mensili. Huma ftit aktar minn miljun ewro li sa issa għad ma hemmx ftehim.

Sadanittant, raġel li ammetta li wettaq frodi u kien ingħata sentenza sospiża, ingħata twissija mill-Qorti minħabba li kemm il-darba kien qed jiddikjara quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello li ma jiftakarx li ħallas xi flus biex jingħata l-benefiċċji soċjali b’qerq u li qal li hu kien mar għand l-eks deputat Laburista Silvio Grixti u dan kien tah envelope biex jgħaddih lid-dipartiment tas-servizzi soċjali biex jieħu xi flus, imma ma kienx jaf x’fih dan l-envelope.

Dan irriżulta meta kompla l-każ dwar ir-racket tal-benefiċċji soċjali fejn l-Eks Deputat Laburista, it-tabib Silvio Grixti u erba’ oħra qed jiġu mixlija b’serq u misapproprjazzjoni fuq frodi tal-benefiċċji soċjali dwar ir-racket ta’ €6 miljun fi frodi tal-benefiċċji tad-diżabbiltà.

L-akkużati l-oħra huma Roger Agius, Emmanuel Spagnol, Dustin Caruana u Luke Saliba, li flimkien mat-tabib Grixti qed jiġu akkużati li waqqfu u li ffurmaw parti minn organizzazzjoni kriminali, li ffrodaw lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali ammont ta’ aktar minn €5,000 u falsifikazzjoni ta’ dokumenti uffiċjali.

L-irġiel huma akkużati wkoll li ffalsifikaw dokumenti pubbliċi u xjentement għamlu użu minnhom, għamlu dikjarazzjoni falza lill-awtoritajiet pubbliċi u fil-pussess ta’ oġġetti maħsuba biex jintużaw għal skopijiet frawdolenti, kif ukoll akkuża separata ta’ ħasil ta’ flus.

Grixti jinsab akkużat ukoll li pprovda lill-applikanti b’ċertifikati mediċi għal diżabbiltà li fil-verità ma sofrewx minnhom, li ppermettewhom jikkwalifikaw għall-allowance wara li dehru quddiem bord mediku. Il-Pulizija qed takkuża lil Agius, Spagnol, Caruana u Saliba li aġixxew bħala intermedjarji, li ġabru ħlasijiet mingħand il-benefiċċjarji frawdolenti.

George Cremona, Direttur fid-Dipartiment tas-Servizzi Soċjali; ippreżenta kopji fuq Manuel Baldacchino, Christopher Buhagiar u Emmanuel Galea ippreżenta dokumenti b’rabta mal-frodi fil-benefiċċji soċjali. Meta mistoqsi mill-Avukat Franco Debono dwar kemm id-dipartiment irkupra flus qal li kienu mat-340 persuna involuti f’dan id-deal frawdolenti.

Tenna li kienu biss 44 persuna li sa issa għadhom ma laħqux ftehim mad-dipartiment fuq ir-radd lura ta’ dawn il-benefiċċji. Tenna li minn Diċembru li għadda n-numru ta’ nies li għandhom jagħtu lid-dipartiment niżel u li kienu ftit aktar minn sitt miljun li riedu jinġabru u li sa issa kienu 1.2 miljun li nġabru fost dawk in-nies li ħallsu kollox.

Xehed ukoll Christopher Buhagiar li kien ammetta l-akkużi u ngħata sentenza sospiża f’Awwissu tal-2023. Qal li kien qed jagħraf lil Emmanuel Spagnol fl-awla u li dan kien qallu li se jieħu l-flus. Saħaq li kien ħalla kollox f’idu. Tenna li kienu t-tobba Mark Xuereb u Etienne Muscat li kien mar għandhom u spiċċa biex mar quddiem il-Bord u għaddewh.

Tenna li dejjem kien akkumpanjat minn Spagnol. Dan kien talbu xi flus, u skont hu jaħseb li dawn riedhom biex iħallas it-tobba. Qal li kien tah xi €2,000. Saħaq li kien mar ma’ Spagnol għand Dr. Xuereb. “Kien jafni qabel u ġie jkellimni.

Tenna li Spagnol tah xi karti biex jiffima u li hu ma kienx jaf x’kien qed jiffirma. Meta kien mistoqsi dwar numru ta’ tobba oħra, huwa qal li ma jafx min huma u lanqas dawk id-dokumenti li ntwera ma kienx jaf x’inhuma.

Hawn huwa informa lill-Qorti li l-ewwel darba ma kienx għadda meta deher quddiem il-Bord, iżda kien reġa’ mar u fit-tieni darba għadda. Għall-ewwel qal li kien l-ewwel darba biss li mar għax Dr. Mark Xuereb, iżda wara ftakar li anke t-tieni darba kien mar. Qal li ma jiftakarx li kien mar għand it-tabib Silvio Grixri, iżda jemmen li aktar le milli iva.

Mistoqsi mill-Qorti qal li l-€2,000 kien tahom lil Spagnol bil-quddiem, u dejjem ħaseb li dawn kienu għal xi tobba. Tenna li l-flus kien se jeħodhom peress li jbati mid-dipressjoni, iżda ma jafx għaliex kien ġie ċċertifkat biex jieħu l-benefiċċji.

Mistoqsi dwar kemm dam quddiem il-Bord, tenna li kien dam biss ftit minuti. Meta ngħad lilu mill-Qorti fuq il-maħfra tal-President, dwar dan il-każ, qal li lanqas biss jaf biha.

Xhud ieħor kien Emmanuel Galea, li wkoll kien ammetta l-akkużi dwar frodi fil-benefiċċji soċjali u li kien ingħata sentenza sospiża.

Bħal Buhagiar huwa qal li ma kienx appella mis-sentenza. Sostna li huwa kien f’bar u kien hemm xi nies u li semgħuh jgħid li għandu d-dipressjoni. Dawk li kienu fil-bar qalulu biex imur għand it-tabib Silvio Grixti. Mistoqsi jekk kienx qed jara lil Grixti fl-awla jew kien qed jagħraf lil xi ħadd ieħor, qal li ma kien qed jara lil ħadd li jaf.

Ix-xhud qal li lit-tabib Grixti kien qallu bil-problemi u dan biex jieħu benefiċċju. Ma jiftakarx x’qallu. Tah envelope biex jgħaddih is-sigurta soċjali għal benefiċċji u hekk għamel. Tenna li ma kienx jaf x’fih. Mar is-sigurtà soċjali waħdu.

Mistoqsi jekk tax flus lil Grixti, qal li kien ħallsu biss tal-vista. Wara deher quddiem il-Bord u kien ħa benefiċċji u ma ħallas xejn lil ħadd. Mistoqsi kemm mill-prosekuzzjoni kif ukoll bil-Qorti għal darba oħra jekk kienx ħallas xi ħaġa, huwa kompla jgħid li ma ħallas xejn. Anke meta l-Maġistrat Montebelli staqsiet li jinsab bil-ġurament u li hemm piena ta’ ħabs jekk jinqabad jigdeb, baqa’ jgħid li ma jiftakarx li ħallas xi flus. Huwa kkonferma li għadu jħallas kull xahar il-flus li ffroda. 

L-Avukati tal-AĠ Abigail Caruana Vella u Charmaine Abdilla flimkien mal-Ispetturi Andy Rotin, Wayne R Borg u Shaun Friggieri qed imexxu l-prosekuzzjoni. L-Avukati Arthur Azzopardi u Franco Debono qed jidhru għal Silvio Grixti. L-Avukati Jason Azzopardi u Kris Busietta qed jassistu lil Roger Agius. L-Avukati Josè Herrera u Matthew Xuereb għal Luke Saliba, filwaqt li l-Avukat Michael Sciriha qed jidher għal Dustin Caruana u Emmanuel Spagnol.

Il-każ se jkompli fl-4 ta’ Ġunju fl-10am.