Kmieni l-Ħamis filgħodu, il-belt kapitali of Kyiv ġiet milquta minn attakk massiv bil-missili li ħalla tal-anqas disa’ persuni mejta u 63 persuna ferut, fosthom sitt itfal.
Skont servizzi nazzjonali tal-emerġenza fl-Ukrajna, il-missili laqtu ħames distretti differenti ta’ din il-belt, fejn kien irrappurtat li kkawżaw ħsarat f’binjiet residenzjali, u ankè amministrattivi.
Intant, l-awtoritajiet Ukreni jinsabu għaddejin bi tfittxija għal xi persuni li jinsabu nieqsa taħt it-terrapien.
L-attakk fuq Kyiv ġie b’rabta ma’ attakki li seħħew fl-istess ħin fuq bliet oħra fosthom Kharkiv fil-Lvant tal-Ukrajna, li ġiet milquta minn seba’ missili.
Aktar tard, l-istess belt reġgħet ġiet attakkata mill-ġdid b’missili tal-kruċieri.
B’riżultat ta’ dan, żewġ persuni spiċċaw weġgħu.
Intant, kelliem mill-Gvern Ukren ikkundanna l-attakki u qal li dawn il-missili u drones kienu qed jolqtu diversi bliet fl-istess ħin.
L-istess kelliem mill-Gvern Ukren ukoll akkuża li r-Russja qed turi biss “xewqa li toqtol” u appella biex dawn l-attaki jieqfu.
Dan kollu seħħ hekk kif il-President Amerikan Donald Trump sostna li l-ftehim ta’ paċi kien viċin, iżda l-President Ukren Volodymyr Zelensky qal li l-Ukrajna mhux se tirrikonoxxi l-okkupazzjoni Russa f’artijiet Ukreni, fosthom fil-Krimea.
Intant, Trump qed jiddikjara li għandu ftehim lest mar-Russja, u issa l-pass li jmiss qal huwa li jilħaq ftehim ma’ Zelensky, imma qal li dan huwa aktar diffiċli milli ħaseb.
//= $special ?>