Nhar il-Ħadd li ġej, se jkun qed jinżel is-separju fuq il-parteċipanti kollha għal dan l-istaġun, tal-BOV Challenge League, meta tintlagħab il-finali taċ-Challenge Cup. Din il-kompetizzjoni qed tkun organizzata għall-ewwel darba mill-MFA, b’format mibdul mis-snin preċidenti għat-timijiet taċ-Challenge League (jew kif ħafna għadhom jirreferu għaliħ sal-lum, il-Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni) fejn għadna s-sehem ta’ 16-il tim.
Iċ-Challenge Cup hija l-kompetizzjoni Knock-Out għat-timijiet ta’ din id-diviżjoni, u li wara r-riżultati li kelna llejla fiż-żewġ semi-finali, il-finalisti għal dan it-tieni l-aktar unur importanti tal-istaġun f’din il-kategorija, se jkunu ċ-champions Valletta u Pietá Hotspurs.
Żurrieq vs Valletta 2-3
Valletta kellhom jitħabtu mhux ftit biex aċċertaw għal post fil-finali taċ-Challenge Cup meta dawwru telfa f’rebħa kontra Żurrieq, fl-aħħar f’temp ta’ 11-il minuta u fil-ħin miżjud mir-referee tal-logħba.
Il-Beltin, li mingħajr ebda dubju se jkunu qed ifittxu li f’staġun li ma jridux jerġgħu jirrepetu qatt fl-istorja tagħhom, ċioé li ma jilgħabux mal-kbar tal-futbol Malti, qed iħarsu li jirbħu d-double. Kontra Żurrieq, Valletta fetħu l-iskor l-ewwel meta wara disa’ minuti logħob, Jefferson għeleb lil Jacob Borg, gowlkiper ta’ Żurrieq għal skor parzjali ta’ 1-0.
Ir-reazzjoni tal-plejers immexxija mill-kowċ Francis Cassar waslet fit-tieni nofs tal-ewwel taqsima, b’żewġ gowls skorjati f’inqas minn għoxrin minuta logħob. Il-midfielder difensiv ta’ 22 sena, Eziefula Chibueze Glamour skorja l-gowl tad-draw ħames minuti ‘l bogħod mill-ewwel nofs siegħa logħob tal-partita.
Fit-43 minuta, l-attakkant Amerikan u skorer prolifiku ta’ Żurrieq tul dan l-istaġun, Mamadu Bah poġġa liż-Żrieraq għall-ewwel darba minn fuq. B’hekk Żurrieq daħlu jistrieħu b’gowl vantaġġ għall-ispejjez ta’ Valletta.
Mal-ftuħ tat-tieni 45 minuta, Żurrieq ħadu doċċa kiesħa meta spiċċaw jilgħabu b’għaxar plejers fil-pitch wara li r-referee tal-logħba, Joseph Scerri keċċa lid-difensur laterali, Xylon Portelli għat-tieni karta safra tiegħu fil-partita.
Valletta bdew jagħfsu għall-gowl tad-draw, u bdew iżidu l-isforzi tagħhom biex jieħdu l-massimu tal-vantaġġ minn sitwazzjoni ta’ plejer aktar fil-pitch. Żurrieq bdew juru l-aħjar tagħhom fil-kollettiv, u dehru li setgħu żżommu lil Valletta milli jiskorjaw u jdawru l-logħba favur tagħhom. Madankollu, fit-83 minuta, il-Beltin skorjaw il-gowl li ġab l-iskor indaqs grazzi għal Jacob Walker.
Bl-iskor 2-2, il-partita dehret li setgħet tmur għall-ħin barrani, iżda l-winger ta’ fuq ix-xellug, l-Amerikan ta’ 25 sena, Enoch Mushagalusa, b’erba’ minuti fuq id-90 minuta, skorja l-gowl li nissel ewforija sħiħa fost il-partitarji ta’ Valletta u diżappunt liema bħalu fost iż-Żrieraq preżenti, hekk kif Valletta rrnexxilhom idawwru l-iskor 3-2 bl-aktar mod drammatiku u li permezz tiegħu kienu l-ewwel tim minn tnejn li għaddew għall-finali taċ-Challenge Cup fit-tmiem ta’ dan l-istaġun.
Tarxien Rainbows vs Pietá Hotspurs 1-2
B’żewġ penalties skorjati, wieħed f’kull taqsima, Pietá Hotspurs eliminaw lit-tieni tim promoss fit-tmiem tal-BOV Challenge League għall-Malta Premier tal-istaġun li ġej, b’rebħa ta’ 2-1 fit-tieni semi-finali taċ-Challenge Cup.
Wara 26 minuta logħob, il-Hotspurs marru fil-vantaġġ meta Kian Leonardi ma żbaljax minn penalty li r-referee Daniel Portelli ta lil Pietá Hotspurs, biex fetaħ l-iskor għal 1-0.
L-iskor baqa’ ma nbidilx sat-tmiem tal-ewwel taqsima, u fit-tieni 45 minuta, Tarxien Rainbows ma damux ma ħabtu wiċċhom ma ingropp ieħor meta wara għaxar minuti logħob, id-difensur ċentrali ta’ 20 sena, Miguel Azzopardi tkeċċa wara li ntwera t-tieni karta safra fil-partita.
12-il minuta ‘l bogħod mid-90 minuta, l-attakkant Brażiljan ta’ Pietá Hotspurs, Arthur Stelmach skorja mit-tieni penalty li kienu mogħtija l-iskwadra mmexxija mill-kowċ Manuel Caruana biex kompla jqarreb lit-tim tiegħu minn post fil-finali kontra Valletta.
Madankollu qabel tmiem il-logħba, Tarxien Rainbows wetqu reazzjoni li waslet tard biex setgħu jisfurzaw il-ħin barrani, meta fit-93 minuta Conor Borg skorja l-gowl ta’ 2-1, li serva biss biex ir-Rainbows naqsu l-iskor għaliex fl-aħħar minuti li kien għad baqa’ fil-logħba, Pietá Hotspurs kienu organizzati biex iddefendew il-gowl vantaġġ u aċċertaw minn passaġġ għall-finali taċ-Challenge Cup kontra Valletta u li se tintlagħab nhar il-Ħadd li ġej.
//= $special ?>