Matul il-jum tal-Ġimgħa, in-nies ma qatgħu xejn. Ir-rispett li kien igawdi dan il-Papa huwa evidenti – kattoliċi u mhumiex, li waslu fil-Vatikan minn kull rokna tad-dinja.
Fost dawk li taw qima lil Bergoglio, kien hemm Suor Genevieve. Is-Soru Franciza ta’ 82 sena, li kienet ħabiba tal-Papa. U li fil-Bażilika ma ddejqet xejn tikser kull protokol biex tinżel issellem lil Franġisku.
Fil-Vatikan, diversi personalitajiet. Inkluż politiċi u nies ġejjin mill-qasam tal-isports. Fosthom l-eks goalkeeper internazzjonali Gigi Buffon u l-kowc tat-tim nazzjonali Luciano Spalletti.
Fl-aħħar sigħat, l-awtoritajiet f’Ruma u dawk tal-Vatikan kienu għaddejin bl-aħħar preparamenti għall-funeral tal-Papa Franġisku li ser isir, s-Sibt. Mument storiku li għalih mistenni jattendu 50 kap ta’ stat u 10 kapijiet ta’ monarkija. Dan apparti Prim Ministri u Ministri ġejjin minn pajjiżi varji.
Eluf huma l-persuni li bħalissa qed jaslu fil-belt kapitali tal-Italja; irrispettivament mir-reliġjon li jħaddnu. Fosthom ser ikun preżenti wkoll l-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna.
Il-Papa kellu jibqa’ espost sat-8 tal-lejla – bil-Kardinal Kevin Farrel jippresiedi r-Rit tas-Siġill tat-Tebut tal-Mibki Papa Franġisku. Għar-rit liturġiku se jattendu diversi Kardinali u uffiċjali tas-Santa Sede. Dan jimmarka t-tmiem tal-qima pubblika fil-Bażilika ta’ San Pietru.
Is-Sibt it-tebut sempliċi tal-injam – kif talab il-Papa nnifsu, ser jinstaq bilmod mill-Bażilika ta’ Santa Maria Maggiore u jagħmel triqtu lejn il-Vatikan. Imbgħad fl-10am jingħata bidu għall-funeral li se jitmexxa mill-Kardinal Taljan Giovanni Battista Re, d-dekan tal-kulleġġ tal-kardinali.
Il-Papa talab li l-qabar tiegħu jiġi mmarkat b’kelma waħda biss – Franġisku; bin-nies jistgħu jibdew iżuru il-post tad-difna minn sbieħ il-Ħadd.
Il-funeral, intant, se jkun qed isir fost sigurta massima kemm fil-Vatikan u anke f’Ruma. B’eluf ta’ pulizija, suldati kif ukoll l-gwardjani Svizzeri li huma l-iżgħar armata fid-dinja preżenti sabiex jassiguraw li kollox jimxi ħarir. Is-suldati u l-Pulizija fi Pjazza San Pietru jinstabu armati, filwaqt li hemm snipers fuq il-bjut u fighter jets standby.
Net Television u Net FM se jwasslu programm speċjali mit-8:30am ‘il quddiem. Dan filwaqt li l-crew ta’ dan l-istazzjon se jkun qed jaġġornana b’mod dirett b’diversi kollegamenti mill-Vatikan.
Intant, fil-gżejjer Maltin, s-Sibt ser jiġi osservat jum nazzjonali ta’ Luttu – fejn bnadar fuq bini pubbliku ser jittajru mezz’asta.
//= $special ?>