Futbol Sport

Għada jintlagħbu s-semi finali tal-Assikura Women’s Knockout

Haley Russell ta' San Ġwann tissielet għall-ballun kontra Ileana Farrugia ta' Hibernians (Ritratt: Lara Schembri)

Is-Sibt jintlagħbu ż-żewġ semi finali tal-Assikura Women’s Knockout, hekk kif fl-4:30pm, Hibernians jaffrontaw lil San Ġwann fis-Centenary Stadium, b’ Mġarr United u Lija Athletic jilagħbu fis7:00pm fl-istess ground.

Kollox għadu miftuħ hekk kif iċ-champions tal-kampjonat Swieqi United, kif ukoll ir-rebbieħa tal-kompetizzjoni tas-sena l-oħra Birkirkara t-tnejn ġew eliminati.

Hibernians għelbu lil Swieqi permezz ta’ penalty shout-out drammatika, b’ Kalyeigh Chetcuti tiskorja l-penalty deċiżiv biex tibagħthom mal-aħħar 4. Jekk il-Pawlisti jirbħu l-partita kontra San Ġwann huma jkunu telgħu finali tan-Knock-out għat-tielet sena konsekuttiva.

Minn naħa l-oħra, San Ġwann qed jittamaw li joħolqu diżappunt kbir hekk kif it-tim għeleb b’mod konvinċenti lil Valletta fil-kwarti finali permezz tal-attakkanta Amerikana Hailey Russell li sabet ix-xibka 27 darba dan l-istaġun, u rebħet l-unur tal-aqwa skorer tal-kampjonat.

Mġarr għelbu lill-favoriti Birkirkara b’rebħa impressjonanti ta’ 3-1 fil-kwarti finali permezz ta’ hattrick mill-Kolombjana Valeria Villegas. Il-Greens kellhom staġun tajjeb hekk kif għal sena oħra temmew mal-ewwel erba’.

Madankollu, Lija urew li anke huma kapaċi jsibu x-xibka, hekk kif għelbu lil Mtarfa bl-iskor ta’ 4-2.

Għada, 26 ta’ April, Centenary Stadium

Hibernians v San Ġwann 4:30pm

Mġarr United v Lija Athletic 7:00pm