Sport

Gżira United iżommu l-punt vantaġġ wara draw fil-konfront dirett kontra Floriana

Gżira United baqgħu jżommu l-punt vantaġġ f’ras il-klassifika tal-VMFA Cisk Premier League hekk kif ġew draw ta’ 1-1 kontra Floriana fil-konfront dirett li ntlagħab fil-MCS Ground f’Birkirkara.

Kienet logħba ferm sabiħa u emozzjonanti fejn wara draw ta’ mingħajr gowls fl-ewwel taqsima, il-partita żblukkat ruħha meta l-Maroons marru minn fuq iżda bil-Furjaniżi li pront ġabu l-iskor indaqs.

Kien Arthur Oyama li b’xutt fil-baxx għeleb lill-goalkeeper ta’ Floriana Justin Spiteri sabiex lejn l-aħħar Malcolm Licari ġab l-iskor indaqs għall-Greens.

Hekk kif fadal żewġ logħbiet għat-tmiem il-kampjonat, Gżira jibdew bħala favoriti li jiksbu t-titlu speċjalment jekk iżommu l-konsistenza tagħhom.

Iċ-champions MFPA ġejjin f’tagħhom tant li rebħu lil Birkirkara St Helen’s 11-7. Stephen Wellman kien l-istilla għal Malta Football Players Association meta skorja poker, b’Mark Barbara awtur ta’ tripletta u Roderick Bajada b’doppjetta. Thomas Paris u George Frendo għaqqdu l-11-il gowl għal MFPA.

Birkirkara xorta kienu fil-logħba fejn kellhom lil Jean Pierre Mifsud Triganza li skorja tripletta b’Mario Caruana u Daniel Scerri li kellhom doppjetta f’isimhom.

Hibernians Veterans komplew fit-triq tal-progress meta għelbu lil Żurrieq Wolves 5-4.

Ma kinitx logħba faċli għall-Pawlisti hekk kif iż-Żrieraq ma ċedewx pulzier tul il-logħba kollha.

Beppe Antignolo skorja tliet gowls għal Hibernians bi Steven Bonnici li niżżel darbtejn ismu fost l-iskorers.

Beppe Muscat skorja doppjetta għal Żurrieq li kellhom ukoll lil Mario Camilleri u Kevin Vella jsibu x-xibka.

B’dan ir-riżultat, Hibs laħqu lill-istess Żurrieq fis-sitt post tal-klassifika bi 15-il punt.

KLASSIFIKA – VMFA CISK PREMIER LEAGUE

Gżira United 50; Floriana 49; MFPA 38; Birkirkara St Helen’s 31; Rabat 24; Żurrieq Wolves, Hibernians 15; Żejtun Red Stars 0.