L-ewwel ġurnata tat-29 Edizzjoni tat-Visit Malta Tour ta’ Malta taċ-Ċikliżmu, bis-sehem ta’ diversi ċiklisti lokali flimkien ma’ oħrajn barranin, qed issir b’memorja ghal Mario Meli l-ko-fundatur tat-Tour u ex-President tal-Federazjoni Maltija taċ-Ċikliżmu. Żewġ ċiklisti tat-tim Nazzjonali ta-Ġibilta rebħu dawn l-ewwel żewġ kategoriji tal-Irgiel, filwaqt li Deborah Schembri rebħet dik tan-Nisa.
L-ewwel tappa kienet tikkonsisti f’Time Trail Individwali fuq iċ-ċirkwit ta’ Triq il-Mitjar ta’ San Niklaw, Siġġiewi fuq distanza ta’ 12km.
L-attenzjoni prinċipali kienet fuq il-kategorija Elite fejn fl-ewwel post daħal Mark Lett ta’ Ġibilta f’ħin ta’ 21 minuta u 15 il-sekondi. Fit-tieni post spiċċa Aidan Buttigieg ta’ Team Polti Visit Malta f’ħin ta’ 21 minuta u 29 sekonda, filwaqt li Bernard Galea ta’ The Cyclist by Agones spiċċa t-tielet f’ħin ta’ 21 minuta u 40 sekonda.
Il-kategorija tan-Nisa ntrebħet mil-Maltija Deborah Schembri ta’ Gozo CC f’ħin ta’ 25 minuta u 31 sekonda. Fit-tieni post spiċċat Michelle Vella Wood tat-Team Greens f’ħin ta’ 25 minuta u 54 sekonda, segwita b’żewġ sekondi minn Gemma Mitchell ta’ FTP Racing.
Fil-kategorija tal-Masters, Derek Barbara ta’ Ġibilta spiċċa fl-ewwel post f’ħin ta’ 22 minuta u 31 sekonda. Il-Kolumbjan Joaquin Rojas tat-Team Greens spiċċa warajh f’ħin ta’ 23 minuta u 24 sekonda. Tlettax il-sekonda warajh spiċċa Mark Zammit ta’ Mosta CC.
Fi tmiem dan l-istadju, Joe Bajada, Segretarju Ġenerali tal-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu, assistit mill-President John Zammit, ippreżenta l-midalji u l-flokk l-aħmar lir-rebbieħa. Għal darb’oħra dan it-Tour qed jsir taħt l-awspiċji tal-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu, bis-sapport ta’ Visit Malta, SportMalta u l-Kumitat Olimpiku Malti.
F’din l-edizzjoni wkoll hemm tliet kategoriji ta’ ċiklisti jieħdu sehem. Dawn huma tal-Elite u magħhom jingħaqdu l-Juniors, tan-Nisa u tal-Masters ta’ ‘l fuq minn 40 sena. Il-Kwartieri Ġenerali tat-Tour huwa l-Palazzin Hotel, l-Qawra fejn huma alloġjati bosta mit-timijiet barranin. Il-Kumitat Organizzattiv tat-Tour jixtieq jesprimi l-gratitudni tiegħu lil Visit Malta, SportMalta, Kumitat Olimpiku Malti, Transport Malta, Kunsilli Lokali rispettivi tas-Siggiewi, San Pawl il-Baħar u Mġarr, Malta, BBB ID Match, Greens Supermarket, Clycling World, A Rentals Malta (Bikes), kif ukoll ARRTS Timing System u l-Palazzin Hotel u lill-klubbs parteċipanti kollha għall-appoġġ tagħhom. L-organizzazjoni qed tappella għal koperazzjoni tal-pubbliku f’dak li huwa l-għeluq tat-toroq biex b’hekk dawn l-avvenimenti jkunu jistgħu jsiru fl-aħjar sigurta’ possibli għaċ-ċiklisti. Huma jixtiequ jawguraw kull suċċess liċ-ċiklisti Maltin li qed jieħdu sehem.
It-Tour ta’ Malta jkompli għada s-Sibt 26 ta’ April 2025 fejn ser issir tiġrija fuq iċ-ċirkwit ta’ San Martin fejn l-Elite ser jagħmlu 10 laps (88km), filwaqt li l-Masters u n-Nisa ser 7 laps (61.6km). It-Tour jintemm nhar il-Ħadd 27 ta’ Mejju 2025 fuq iċ-ċirkwit tal-Bypass ta’ San Pawl fejn hawn ukoll it-tiġrija finali tibda fit-8:00 ta’ filgħodu. Hawn l-Elite ser jagħmlu 12 il-dawra (54km), filwaqt li n-Nisa u l-Masters ser jagħmlu 10 dawriet (45km).
