Robert Abela kien jaġixxi bħalma aġixxa Joseph Muscat. Fi kliem semplici, min mar biex jikxef il-korruzzjoni minn persuna qrib il-Partit Laburista – kien jibagħtu ‘l hemm.
Il-Prim Ministru tana din ir-reazzjoni meta ġie affaċċjat b’domandi dwar l-aħħar każ serju li fih hemm implikat persuna li kien uffiċjal tal-Partit Laburista – Jimmy Magro – li nstab ħati mill-Qorti, u ngħata 5 snin ħabs.
Meta mistoqsi dwar dan il-każ tal-Eks Segretarju Ġenerali tal-Labour, Robert Abela tenna li kien jagħmel dak li kien jagħmel il-predeċessur tiegħu.
U minkejja li ħarġet ċara fix-xhieda tal-Qorti illi l-Eks Prim Ministru Joseph Muscat kien qatta’ l-karti bil-provi ta’ korruzzjoni minn Jimmy Magro, il-Prim Ministru Robert Abela baqa’ jinsisti li din hija gidba.
U Abela, għażel li jaħrab milli jwieġeb meta affaċċjat bil-fatt li dan ħareġ minn xhieda tal-Qorti.
L-Eks Segretarju Ġenerali tal-Labour Jimmy Magro, ġie kkundannat erba’ snin u tmien xhur ħabs wara li nstab ħati ta’ tixħim ta’ €25,000 bi skambju li għen lill-applikant jikseb kuntratt pubbliku ta’ €250,000 għal tagħmir għall-ġbir tal-iskart fl-2014.
F’xhieda fil-Qorti ħareġ illi l-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Joseph Muscat, kien mgħarraf bil-ħadma ta’ Jimmy Magro, iżda meta avviċinat b’email ta’ provi, huwa qal lill-applikant sabiex ma jersaqx quddiemu b’affarijiet bħal dawn filwaqt li għaffeġ email stampat li kien tah bħala prova l-applikant.
Iżda minkejja li dan kollu li ħareġ fil-Qorti l-Prim Ministru Robert Abela insista illi hija biss gidba li Joseph Muscat ħareġ għonqu għal Jimmy Magro filwaqt li insista li hu kien jaġixxxi bħal Joseph Muscat f’din is-sitwazzjoni.
//= $special ?>