Sport Sport Ieħor

Il-Kumitat Olimpiku Malti jħabbar il-benefiċjarji tal-Carded Athletes’ Scheme

Il-Carded Athletes’ Scheme tal-Kumitat Olimpiku Malti (KOM) tifforma parti mill-impenn kontinwu tiegħu biex jrawwem it-talent sportiv l-aktar promettenti ta’ Malta. Din l-iskema hija mfassla biex tidentifika u tappoġġja atleti li għandhom il-potenzjal li jirrappreżentaw lil Malta fuq livell internazzjonali, u tipprovdi aċċess għal firxa ta’ servizzi li jsaħħu l-prestazzjoni u jippromwovu żvilupp fit-tul.

B’mod konformi ma’ din il-missjoni, il-KOM dan l-aħħar ospita sensiela avvenimenti fejn ingħataw ċertifikati, li rrikonoxxew aktar minn 300 atleta magħżula biex jingħaqdu mal-iskema. Dan sar wara reviżjoni tal-kisbiet tagħhom matul l-istaġun sportiv tal-2024. L-għażliet saru abbażi tal-Athlete’s Development Matrix —għodda evalwattiva żviluppata f’kollaborazzjoni mal-Assoċjazzjonijiet u l-Federazzjonijiet affiljati biex tiġi żgurata ħarsa ħolistika u speċifika għal kull dixxiplina sportiva.

L-Athlete Development Pathway, li jinkludi livelli minn D1 sa Elite, jikkunsidra fatturi ewlenin bħall-età, il-maturita, l-karatteristiċi uniċi ta’ kull sport, u r-realtajiet tal-ambjent sportiv f’Malta. L-atleti fil-livell D1 huma dawk l-atleti rikonoxxuti għat-talent nazzjonali tagħhom, filwaqt li dawk fil-kategorija Elite qed jikkompetu b’mod kostanti fuq l-ogħla livelli internazzjonali.

Kull avveniment beda b’diskors ta’ftuħ mid-Direttur għaż-Żgħażagħ tal-KOM, Johanna Grech. Grech enfasizzat ir-responsabbiltà konġunta bejn il-KOM u l-atleti tiegħu fil-bini ta’ futur sportiv b’saħħtu u sostenibbli. Kull avvenimenti għalaq b’ċerimonja ta’ preżentazzjoni taċ-ċertifikati.

“Dawn l-avvenimenti iservu mhux biss bħala rikonoxximent ta’ kisbiet iżda wkoll bħala opportunità biex tinfirex informazzjoni kruċjali u tiġi affermata mill-ġdid l-impenn tal-KOM biex jikber it-talent sportiv ta’ Malta,” qalet Grech.

Matul kull sessjoni, id-Direttur tal-Isport Charlene Attard ippreżentat ħarsa dettaljata tal-iskema, u spjegat kif l-atleti jistgħu jiksbu finanzjament f’diversi kategoriji u kif il-progress tagħhom jiġi segwit u vvalidat. Hija saħqet ukoll fuq il-firxa komprensiva tas-servizzi ta’ appoġġ offruti mill-KOM, fosthom nutrizzjoni, psikoloġija sportiva, saħħa u kondizzjoni fiżika, fiżjoterapija u kura medika.

Luigi Sammut mill-KOM wassal sessjoni informattiva dwar il-programm tad-Functional Diagnostic Laboratory (FDL), fejn enfasizza l-importanza tat-testjar regolari u spjega kif id-data tal-prestazzjoni tista’ tintuża biex jiġu adattati strateġiji tat-taħriġ u t’irkupru għall-aħjar riżultati. In-nutrizjonista Fleur Bugeja pprovdiet pariri prattiċi dwar in-nutrizzjoni qabel, waqt u wara kompetizzjoni.

Is-sessjoni kellħa wkoll kontribuzzjonijiet minn Dr Bernice Sant u Rosanne Rocco, li taw għarfien siewi dwar ir-rwol tal-psikoloġija sportiva fl-iżvilupp tal-atleti. Il-Coaches tas-Strength and Conditioning Tina De Martino, Liam Harrison u Brenda Muscat indirizzaw ukoll lill-atleti, u enfasizzaw l-aħjar prattiċi għall-bini ta’ reżiljenza fiżika.

Fil-għeluq tal-avveniment, Charlene Attard qalet: “Din l-inizjattiva tmur ferm lil hinn minn preżentazzjoni sempliċi—timmarka l-bidu ta’ vjaġġ aktar strutturat għal kull atleta. Ir-rwol tagħna hu li nipprovdu l-għodda u l-ambjent biex it-talent promettenti jiffjorixxi. Aħna qedin hawn biex nappoġġjaw, niggwidaw u ninvestu fl-atleti biex jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom.”

Dettalji sħaħ tal-Iskema u l-benefiċjarji tagħha jinsabu fuq is-sit elettroniku tal-KOM: https://nocmalta.org/resources-for-athletes/the-carded-athlete-scheme