Internazzjonali

Il-Vatikan: Kollox lest għall-funeral tal-Papa…bil-funeral isir fi klima ta’ tensjoni fuq livell ġeopolitiku

Id-dinja kollha qed tistenna l-funeral tal-Papa Franġisku li miet fil-lejl tal-Ħadd fl-età ta’ 88 sena…Iċ-ċerimonja funebri ta’ għada s-Sibt, minkejja l-element ta’ sollennità, għandha tkun waħda sempliċi fuq ix-xewqat ta’ Franġisku nnifsu li, tul ħajtu, dejjem irrinunċja għall-pompa żejda,

Sadanittant, dan il-funeral ta’ bixra internazzjonali qed jirrikjedi l-arranġamenti speċjali li jirriflettu s-sitwazzjoni ġeopolitika attwali…Arranġamenti li fl-aħħar jiem aċċertaw li l-170 delegazzjoni internazzjonali li se jattendu għall-funeral fil-Vatikan (f’Ruma) ikunu komdi u li jkun hemm l-inqas sogru li ċ-ċerimonja tispiċċa bħala sit li jirrifletti sitwazzjonijiet rispettivi ta’ kriżi diplomatika.

Bħal fil-każ tal-funeral tal-Papa Ġwanni Pawlu t-Tieni, fl-2005, il-parti kbira tad-delegazzjonjiet se jieħdu l-postijiet tagħhom mhux skont il-livell tal-importanza iżda skont l-ordni alfabetika.

Bħala eżempju ta’ dan l-arranġament,  il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, li wkoll se jkun preżenti f’Ruma, għandu  jinżamm ‘il bogħod mill-President Ukren, Volodymyr Zelensky u li miegħu mgħandhux relazzjonijiet daqstant tajbin.

Madankollu, il-Mexxej Ukren, din il-ġimgħa, kien talab għal laqgħa ma’ Trump li xtaq li ssir wara l-kwinti taċ-ċerimonja fil-Vatikan. Filwaqt li ma hemm ikkonfermat, hemm anki possibbiltà li ż-żewġ Presidenti, fil-fatt, jiltaqgħu tassew għal xi laqgħat formali fil-kapitali Taljana,

L-Ogħla Uffiċjali tal-Unjoni Ewreopea, Ursula von der Leyen, António Costa u Roberta Metsola, skont ir-rapporti, ukoll qed jikkunsidraw li jissieħbu f’taħditiet bilaterali ta’ wara ċ-ċerimonja funebri.

Assenti miċ-ċerimonja hemm il-President Russu, Vladimir Putin u l-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu…Żewġ mexxejja suġġetti għall-mandati ta’ arrest, fuq livell internazzjonali, b’konnessjoni ma’ reati tal-gwerra fl-Ukrajna u Gaza.

Għalkemm xi elementi tal-media qalu li Putin ‘mhux bilfors’ li jispiċċa arrestat f’każ li jiddeċiedi biex imur l-Italja fl-aħħar minuta, il-Ministru għall-Ġustizzja Taljan, Carlo Nordio, qal li l-mandat ta’ arrest ikun attivitat f’sitwazzjoni fejn il-Mexxej Russu jasal l-Italja u anki f’każ li jsiru magħrufa d-dettalji tal-wasla imminenti ta’ Putin fil-pajjiż.

Minflok, il-Ministru għall-Kultura, Olga Lyubimova se tattendi għall-funeral tal-Papa bħala r-Rappreżentanta tar-Russja.

Iżael,sadanittant, se jibgħat għall-funeral biss lil Yaron Sideman, bħala l-Ambaxxatur tiegħu għas-Santa Sede.