Qed tikber mill-ġdid it-tensjoni bejn l-Indja u l-Pakistan. Żewġ potenzi nukleari li jaqsmu fruntiera komuni u li mill-1947 sal-lum kienu involuti f’diversi gwerer u konflitti oħra.
Dan meta fl-aħħar sigħat seħħew numru ta’ sparaturi bejn it-truppi Indjani u s-suldat Pakistani – bl-inċident iseħħ f’parti mill-fruntiera militarizzata fir-reġjun ta’ Kashmir.
Ir-rapporti qalu li s-suldati Pakistani kienu fetħu n-nar fuq il-pożizzjoni tat-truppi Indjani f’Kashmir u b’tal-aħħar jisparaw lura. Ma kienx hemm dettalji ta’ vittmi jew midruba – bil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tal-Pakistan ma jikkummentax.
Sadanittant, l-isparatura kompliet iżżid it-tensjoni bejn l-Indja u l-Pakistan li diġà tinsab f’livell akut wara l-attakk ta’ nhar it-Tlieta fl-artijiet ta’ Kashmir ikkontrollati mill-Indjani u li fihom inqatlu 26 turist. L-Indja qed tgħid li l-attakk kien wieħed terroristiku faċilitat mill-elementi man-naħa opposta tal-fruntiera f’Kashmir u li kellu wkoll l-appoġġ tal-Pakistan.
Il-Gvern tal-Pakistan, fl-istess ħin, qed jiċħad għal kull konnessjoni mal-attakk u meta grupp ta’ militanti bl-isem ‘Reżistenza ta’ Kashmir’ qed jassumi r-responsabbiltà għall-massakru tat-Tlieta.
In-Nazzjonijiet Uniti ħeġġet biex l-Indja u l-Pakistan jeżerċitaw il-massimu tal-kontroll waqt li jaċċertaw li s-sitwazzjoni u l-iżviluppi relatati ma jeskalawx sal-punt fejn isir impossibbli biex l-affarijiet jinżammu fil-limitu aċċettabbli.
Il-kelliema għan-NU komplew li kwalunkwe issues bejn l-Indja u l-Pakistan jistgħu jkunu solvuti bil-mezzi paċifiċi u permezz ta’ djalogu u kuntatti bażata fuq ir-rieda tajba u reċiproka.