Aktar minn 200,000 persuna mistennija jattendu għall-funeral tal-Papa Franġisku. Kollox mistenni jingħata bidu għall-ħabta tal-1000hrs tas-Sibt filgħodu, biċ-ċerimonja bil-Latin tkun immexxija mill-Kardinal Giovanni Battista Re, li mistennija ttawwal madwar sagħtejn u nofs.
Diversi huma dawk il-pellegrini li qasmu magħna s-sensazzjoni ta’ dieqa għat-telfa ta’ Jorge Mario Bergoglio fl-età ta’ 88 sena, filwaqt li saħqu li jinsabu kburin li se jkunu qed jattendu għal dan l-avveniment.
Għall-funeral mistennija jattendu madwar 130 delegazzjoni fosthom il-Prinċep William tal-familja rjali Brittanika, il-President Amerikan Donald Trump, il-President Ukren Volodymyr Zelensky u l-President Franċiż Emmanuel Macron.
Dan filwaqt li mistennija jattendu wkoll il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen u l-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola.
Jattendu wkoll il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech flimkien mas-Sinjura tiegħu AnneMarie Grech, il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono flimkien ukoll mal-Prim Ministru Robert Abela.
B’kollox hawn aktar minn 2,000 ġurnalist minn madwar id-dinja, bis-sigurtà tkun waħda massima.
Il-funeral se jkun qiegħed isir fi Pjazza San Pietru, bil-Papa se jkun qiegħed jindifen fil-Bażilika ta’ Santa Maria Maggiore ’il barra mill-Vatikan, skont ix-xewqa tiegħu nnifsu.
Matul il-lejl ta’ bejn il-Gimgha u s-Sibt mijiet ta’ nies iddecidew li jorqdu barra biswit it-triq principlai li twassal ghall Pjazza San Pietru bil-ghan li jkunu minn tal-ewwel ghal funeral li ghalih mistennija jibdew jaslu n-nies mal-hamsa u nofs ta filghodu.