Lokali Qorti

Kienu tliet bombi tal-istess kategorija li nħadmu bħal dik li qatlet lil Daphne Caruana Galizia

Meta Vince Muscat, “il-Koħħu”, qal lill-Pulizija dwar il-bomba li ntużat għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, l-investigaturi kienu ferm inkwetati. Muscat qal li l-fornituri kisbu tliet bombi. Waħda kienet splodiet lil Romeo Bone fl-Imsida Circus fi Frar 2017. It-tieni qatlet lil Daphne Caruana Galizia f’Ottubru ta’ dik is-sena stess.

L-uffiċjali tal-Pulizija staqsewh x’kienet it-tielet waħda u dan semmielhom Mejju tal-2018, meta Kevin Ellul, magħruf bħala “id-Double O”, fetaħ il-bieb tar-razzett tiegħu fil-Għargħur u seħħet splużjoni, iżda Ellul ma weġġax. Esperti forensiċi ddeterminaw li l-bomba kienet tal-istess kategorija tat-tnejn l-oħra.

Sadanittant, George Degiorgio ma qabel xejn mal-idea orġinali li l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia tinqatel permezz ta’ rifle għax beża’ li dan ma jkunx omiċidju sigur u li jikkaġuna ħafna storbju, Huwa kkonvinċa lil sħabu biex din tinqatel b’karozza bomba, anke jekk f’mument minnhom kien xettiku peress li attentat ta’ qtil ieħor permezz ta’ karozza bomba fuq persuna oħra ma kienx irnexxa.

Madankollu, Robert Agius u Jamie Vella kienu serrħu ras l-eżekuturi li s-saħħa tal-bomba hija tant qawwija li kellha tilħaq l-għan tagħha. Fir-rigward tal-qtil tal-Avukat Carmel Chircop dan kienu sparati lejh ħames tiri u mill-investigazzjoni li għamlet il-Pulizija, l-informazzjoni li kien tahom Vincent Muscat, “Il-Koħħu”, dwar il-qtil kienet waħda korretta.

Dan irriżulta mix-xhieda tal-Ispettur Kurt Zahra li kien l-ewwel tal-prosekuzzjoni hekk kif il-ġuri daħal fit-tieni jum tiegħu. Il-ġuri li qed jinstema’ quddiem l-Imħallef Edwina Grima b’rabta mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u l-Avukat Carmel Chircop.

Ix-xhud qal ukoll li qabel l-omiċidju Robert Aguis, wieħed mill-aħwa tal-Maksar, kien irranġa biex tinkera vettura bl-istess mudell ta’ Caruana Galizia, sabiex George Degiorgio, ‘iċ-Ċiniż’, seta’ jipprattika kif tinfetaħ il-karozza tagħha sabiex ipoġġielha l-bomba.  

Filwaqt li erba’ rġiel jinsabu akkużati b’reati b’rabta mal-qtil ta’ Chircop fl-2015, tnejn biss – Robert Agius u Jamie Vella – qed jiffaċċjaw akkużi relatati mal-provvista tal-bomba li qatlet lil Daphne Caruana Galizia fl-2017. Huma qegħdin jiġu akkużati wkoll li saru reċidivi.

L-akkużati huma Adrian Agius ta’ 46 sena, residenti l-Mellieħa u ħuh Robert Agius ta’ 41 sena residenti r-Rabat, magħrufa bħala Ta’ Maksar flimken ma’ Jamie Vella ta’ 41 sena li joqgħod il-Mosta u George Degiogio ta’ 62 sena, residenti San Pawl il-Baħar. Jekk jinstabu ħatja l-akkużati qed jiffaċċjaw piena massima ta’ għomor il-ħabs.

L-Ispettur Zahra jirrakonta dwar id-distruzzjoni li ra fil-Bidnija

L-ewwel xhud kien l-Ispettur Kurt Zahra li xogħlu hu li jinvestiga l-omiċidji. Huwa beda biex jixhed dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Qal li fis-16 ta’ Ottubru 2017, għall-ħabta tat-3.10pm. kien infurmat li fi Triq il-Bidnija l-Mosta, splodiet karozza u li kien hemm mara li mietet. L-Ispettur James Grech qallu li l-vittma kienet Daphne Caruana Galizia.

Hu wasal għall-ħabta tal-3.50pm. Kien hemm ħafna Pulizija preżenti u anke tat-Taqsima tat-Tifi tan-Nar. It-triq kienet magħluqa, fejn setgħu jidħlu biss il-forzi tal-ordni u uffiċjali tas-saħħa. Raha l-karozza tal-vittma bid-duħħan ħiereġ minnha.

Iltaqa’ mal-Ispettur Nicolas Vella, li kien tad-distrett. Ra n-numru tal-karozza li splodiet li kienet QQZ 668. Apparti l-vettura ra t-tifrik tagħha fosthom biċċa laħam li dak il-ħin fehem li kienet tal-vittma. Qal li l-Pulizija bdew jaħdmu dwar fuq min kienet reġistrata l-karozza, u li waslu għal Percius Garage, li qalulu li kienet mikrija lil Daphne Caruana Galizia.

Qal li qalulu li kellha karozza oħra u wara din inbidlet u ngħatat lilha fit-18 ta’ Ġunju 2017. Mar fir-residenza fejn qasam il-benniena tat-triq bil-pass. Hemm itaqa’ mat-tifel tal-vittma – Matthew Caruana Galizia.

Qallu li ommu kienet għadha kemm titlaq mid-dar, reġgħet daħlet lura għax insiet iċ-cheque book u wara li ħarġet sema’ splużjoni kbira u raha l-karozza b’veloċità kbira tibqa’ sejra għal ġewwa għalqa. Qallu li ġurnata qabel kienet ipparkjat il-karozza fis-7pm quddiem il-kanċell tar-residenza.

Fuq il-post waslu ftit wara r-raġel tal-vittma Peter u t-tifel l-ieħor tagħha Andrew Caruana Galizia. Ix-xhud kien tahom l-aħbar li l-vittma kienet mejta. Dawn kienu jidhru mbikkmin. Wara ta struzzjonijiet liż-żewġ Pulizija biex iduru mal-post biex jaraw jekk kienx hemm xi xhieda fl-inħawi.

Kien ġie identifikat ċertu Frans Sant li qal li fil-ħin tal-isplużjoni kien ġej minn naħa tal-faċċata, li tiġi n-naħa l-oħra tal-benniena, faċċata tar-residenza tal-vittma. Qal li l-ewwel ra splużjoni żgħira u ra lil persuna tippanikkja, bil-karozza żżid il-veloċità, bil-karozza tispiċċa f’għalqa.

Gar tal-vittma jgħid li kien jara karozza ta’ spiss tħuf fil-Bidnija

Wara kellmu lil Carmel Wallace Sammut, li kien joqgħod fil-viċin. Qal li tliet ġimgħat qabel u b’mod konsistenti kien jara vettura bajda tħuf fil-post. Dan qalulhom, qal ix-xhud, li fis-16 ta’ Ottubru, kien innotaha fid-9am, fin-12.30 pm u li fis-2.30pm rata l-mara tiegħu.

Din il-karozza kienet żgħira u hu tahom in-numru tagħha. Bdew jispezzjonaw fid-dettal. Zahra qal li fejn kienet tkun pparkjata din il-karozza kien hemm kantun u loqma ta’ sigarett u din kienet spezzjonata mill-esperti. Dan il-post ġie wkoll fotografat.

Marru l-esperti forensiċi u ġabru dan is-sigarett u ttieħed swab tiegħu u rriżulta li dan kien jaqbel u kienet prova fuq wieħed mis-suspettati. Fuq il-post mar il-Maġistrat Inkwerenti li kienet Consuelo Scerri Herrera, llum Imħallef u wara beda jmexxi Dr. Anthony Vella, illum ukoll Imħallef.

Wara waslu wkoll in-Netherlands Forensic Institution u għalhekk l-inħawi ġew preżervati. Qal li ta struzzjonijiet lill-Pulizija biex jiltaqa’ mat-tifel tal-vittma Matthew, għax jumejn qabel il-qtil kien użaha. Staqsewh jekk kienx hemm xi ħadd isegwih u dan ħadhom fil-postijiet minn fejn kien għadda.

Il-karozza kien użaha fil-15 ta’ Ottubru fejn mar jgħum l-Exiles. Zahra qal li fis-17 ta’ Ottubru mar ma sħabu fir-residenza tal-vittma biex jaraw kienx hemm xi theddid jew xi ħaġa ta’ interess għal din l-investigazzjoni. Kien hemm eżerċizzju tas-CCTV cameras u dan mhux biss fejn l-inħawi, u dawn il-filmati ġew mgħoddija lill-espert tal-Qorti Dr. Martin Bajada.

Fid-19 ta’ Otubru kienu waslu Malta l-FBI li annaliżżaw il-mobile data. Qal li l-kollega tiegħu Keith Arnaud, illum Assistent Kummissarju kien ħadem mal-FBI u l-Europol. Meta l-FBI waslu fuq il-post hu u Arnaud kien spjegalhom l-inħawi u anke infurmawhom fuq il-loqma tas-sigarett. Kien hemm ukoll offerta ta’ miljun ewro mill-Gvern għall-informazzjoni għal dawk konnessi mal-omiċidju.

Il-mobile li wassal biex jġi attivat biex tisplodi l-karozza tal-ġurnalista

Hawn kienu daħlu numru ta’ telefonati. Mhux kollox kien relevanti min dawk li ċemplu, xi ħaġa normali f’dawn iċ-ċirkostanzi. Kull telefonata però, li daħlet kienet ġiet annalizzata sew. Kien hemm ukoll investigazzjoni parallela minn Arnaud, l-FBI u l-Europol.

Kien ġie identifikat pattern ma’ mobile number minn Alfred Degiorgio, George Degiorgio u Vincent Muscat, u dawn kienu żewġ settijiet ta’ mobiles li waslet ukoll biex tiġi sploduta l-bomba. Dan wara l-ħafna stħarriġ li sar fuq l-antennas.

Kien ġie identifikat numru fejn fit-3pm kien hemm disturb fil-kodiċi, u kien hemm code fejn ġiet attiva l-bomba. Dan intbagħat minn mobile li mexa ma’ mobile ieħor li kien ta’ George Degiorgio. Dan il-messaġġ beda jindika li kien intbagħat minn viċin il-post. Camera mill-port il-kbira identifikat dgħajsa użata mill-aħwa Degiorgio dieħla fil-post.

Hawn waslu fażi għall-arrest ta’ numru ta’ nies. Din kienet fl-4 ta’ Diċembru, 2017, u ġew arrestati l-aħwa Degiorgio, Vincent Muscat, Jamie Vella u Robert u Adrian Agius minn taħt it-tinda tal-patata. Hawn kienu ġew arrestati bejn disgħa u 11-il persuna.

Saret tfittxija fil-baħar u kienu nstabu xi ‘burner phones’. Kienu l-aħwa Degiorgio u Vincent Muscat li tressqu l-Qorti u li dawn ġew akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u li huma ma wieġbu għall-ebda mistoqsija. Huma tressqu il-Qorti, mixlija bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Ix-xhud qal li l-investigazzjonijiet komplew għaliex kien ċar li aktar persuni kienu involuti f’dan l-omiċidju.

Żied li l-Assistent Kummissarju Keith Arnaud, qallu huwa kien f’komunikazzjoni ma’ Mario Degiorgio li tkellem miegħu Melvin Theuma. Degiorgio beda jitlob xi flus lil Theuma dwar flejjes għall-Avukati u anke ikel għall-akkużati. Ġie stabbilit ukoll  li Theuma kien qed jitkellem ma’ Yorgen Fenech u anke ttieħdu xi ‘recordings’ minn Theuma stess ta’ xi konverzazzjonjiet li twettqu bejnithom.

Ix-xhud kompla jgħid li dak iż-żmien, il-Pulziija bdiet investigazzjoni fuq lottu klandestin allegatament imwettaq minn Melvin Theuma, li wasslu għall-arrest tiegħu fl-14 ta’ Novembru tal-2019. Dakinhar stess l-Ispettur xehed li l-Assistent Kummissarju infurmah li waqt l-arrest, fil-karozza  ta’ Theuma, instabet kaxxa tal-ġelat b’xi USB drives, żewġ pakketti karti u ritratt mal-eks Chief of Staff Keith Schembri.

€150,000 biex isir il-qtil

Xehed ukoll li l-USB drives ġew mgħoddija mill-ewwel lill-Europol. Intant permezz tal-Avukati tiegħu, Theuma talab il-maħfra presidenzjali għal skambju ta’ informazzjoni importanti b’rabta mal-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Meta l-Pulziija tkellmet ma’ Theuma taħt interrogazzjoni, qallhom li huwa kien iltaqa’ ma’ Yorgen Fenech sabiex jiġi kkummisjonat il-qtil ta’ Caruana Galizia, għal prezz ta’ €150,000, minħabba li l-ġurnalista kienet se toħroġ storja investigattiva fuq zijuh ‘Ray’.

Jirrakonta wkoll li l-vittma kienet qed ittihom “hard time” biex jallokawha u li kien Yorgen Fenech li tah l-informazzjoni li l-mara kienet qed tkun spiss ġo cafeteria fir-Rabat.  Meta ġie arrestat Melvin Theuma kien hemm numru ta’ recordings u li dawn bdew isiru wara li tressqu l-Qorti u beda jmur għand Yorgen Fenech, dawk li qatlu ma jafuhx u beda jibża’.

Kienu bdew ikellmu lil Melvin Theuma u jisimgħu r-recordings b’mod awtoviżiv. Hemm diskussjonijiet relatati mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. F’dawn l-intervisti kien mitkellem fuq screen shots li kellu ma’ Yorgen Fenech, fejn Melvin Fenech qallu li Vince Muscat mar id-depot u beda jitkellem mal-Pulizija, xi ħaġa li lil Thuema inkwetatu ħafna. L-investigazzjonijiet baqgħu għaddedjin.

Fl-20 ta’ Novembru rċieva telefonata minn Arnaud li Yorgen Fenech kien ġie arrestat f’Portomaso. Sar rapport li ngħata lis-superjuri tagħhom u ftit wara Melvin Theuma ngħata l-proklama. L-investigazzjoni tkompliet u ma waqfitx hemm.

F’Diċembru 2019, kien infurmat li Muscat kien talab il-proklama, anke sena qabel kien hemm talba, imma dik qal ix-xhud, ma kienx involut fiha. Fit-18 ta’ Jannar 2020 bdew jaraw x’informazzjoni li għandu jagħti Vincent Muscat. Huwa kellimhom fuq ammont ta’ reat li seħħew qabel l-2017.

Wara Vince Muscat kien ingħata l-proklama fil-qtil tal-Avukat Carmel Chircop bil-kundizzjoni għall-informazzjoni u li jixhed fil-każ. Dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, kien hemm patteġġament u kien miftiehem 15-il sena ħabs.

Wara l-każ għadda għand l-Imħallef Neville Camilleri fejn hemm Muscat kien ta l-informazzjoni kollha. Dwar meta ltaqgħu għand il-Busy Bee qal li hu ma kienx daħal magħhom u jaf li kien hemm laqa’ għax kien qallu George Degiorgio.

L-aħwa Degiorgio qalulu li kienet se tinqatel Caruana Galizia u li l-Avukat David Gatt qalilhom li l-Avukat Chris Cardona, ried joqtol lill-ġurnalista, dejjem skont dak li qal George Degiorgio. Il-pjan biex tinqatel il-ġurnalista kien sfaxxa qabel l-elezzjoni u dan ġie riattivat wara l-elezzjoni fejn ħadu 10,000 kull wieħed.

Għall-ewwel il-pjan kien li tinqatel bir-rifles u li dawn, li kienu tlieta – tahomlhom Jamie Vella. Kienu jaraw lil Daphne taħdem minn tieqa. U kienu lesti u jaraw kollox bit-telescopes. Imma George Degiogio qatt ma qabel ma dan u ried li tinqatel b’karozza bomba, għax bir-rifles jagħmlu ħafna storbju.

Pjan li Jamie Vella jirranġa għal tliet bombi lill-mandanti

Il-pjan kien li Jamie Vella iġibilhom tliet bombi. Il-Koħħu jgħid li l-bomba ġabuha mingħand Robert Agius u Jamie Vella. Kien issemma’ ċertu Robert Bone li kienu għamlulu bomba u ma mietx, għalkemm kien spiċċa bla saqajn u l-“Koħħu” qal li kienu sħabu li kienu qalu lil Agius u Vella, “din mhux bħal ta’ Bone hux” u dawn wieġbu li din fiha 500 gramma.

L-Ispettur Zahra għadda biex jitkellem dwar il-qtil tal-Avukat Chircop, fejn Muscat qal li dan inqatel permezz ta’ ħames, sitt tiri li huwa minnu u li kien inqatel fil-bieb tal-garaxx. Is-CCTVs kienu kkonfermaw li r-rotta li ttieħdet biex marru għall-avukat Chircop u jinqatel kienet taqbel perfettament.

Ix-xhud qal li mill-informazzjoni li nġabret irriżulta li kien Robert Agius li kera l-karozza li marret fil-garaxx f’Birkirkara li finalment spiċċa biex inqatel l-Avukat Chircop. Fis-sessjoni ta’ wara nofs inhar sar il-kontro-eżami lill-Ispettur Kurt Zahra mill-avukat Rene Darmanin, li qed jirrappreżenta lil Robert Agius.

Huwa jirreferi għax-xhieda preċedenti ta’ Zahra u staqsih dwar ir-rwol tal-pulizija fit-talba ta’ mandati ta’ arrest għas-suspettati. “Int u t-tim tiegħek, bħala l-korp tal-pulizija, tlabtu mandat għall-arrest tal-kompliċi msemmija. Kont involut personalment?” Zahra jikkonferma li kien konxju tat-talba, għalkemm jirrepeti li ma kienx involut direttament fl-operazzjoni fil-konfront tal-klijent tiegħu.

Dwar ir-rifles li allegatament ingħaw minn Jamie Vella u Roger Agius dwar kemm ingħataw rifles, ix-xhud ikkonferma li kienu tlieta u li ngħad li tnejn minnhom kienu msaddin. Dan qalu Vincent Muscat li qal li wieħed mir-rifles biss kien tajjeb.

Melvin Theuma kien qed jippressa biex ifittxu jeħilsu mill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u darba mar ma’ l-aħwa Degiorgio jagħmlu l-Għassa mal-karozza tal-vittma. Ix-xhud qal li ma jirrikonoxxiex il-fatt li Melvin kien imur kemm il-darba jagħmel l-għassa hu. Tenna li jiftakar huwa li darba Daphne Caruana Galizia u żewġha kienu se jsiefru u l-mandanti kienu qed jibżgħu li ma kienitx ġejja lura Malta.

Kien Vincent Muscat li dejjem semma’ dawn l-affarijiet, kemm fuq ir-rifles kif ukoll l-inkwiet li kienet se ssiefer. Kien hemm diversi stanzi oħra li “Il-Koħħu” ta ħafna informazzjoni li ħafna minnha kienet taqbel ma’ dak li kien qalilhom Melvin Theuma.

Wara l-elezzjoni inbidel il-pjan biex minflok bir-rifle id-delitt isir permezz ta’ bomba

Huwa reġa’ kkonferma li fuq ħafna mill-affarijiet fosthom kemm kienu se jingħataw flus għal qtil u li kienu ġew sparati bejn ħamsa u sitt tiri biex inqatel l-Avukat Carmel Chircop, irriżulta li kienu stqarrijiet korretti.

Hawn il-punt qam fuq meta Melvin Theuma, skont Muscat, kien jaħdem bit-taxi l-ajruport u imur jiċċekkja l-karozza ta’ Caruana Galizia, xi ħaġa li x-xhud qal li ma kellux rikonixximent dwarha. Kien wara l-elezzjoni tal-2017 li nbidel il-pjan tal-mandanti li l-ġurnalista tinqatel permezz ta’ karozza bomba u mhux bir-rifles.

Minn Ġunju ‘l hemm kellhom jaslu tliet bombi u waħda minnhom kellha tintuża biex tinqatel is-Sinjura Caruana Galizia. Ix-xhud ikkonferma li l-isem ta’ Jamie Vella ma ssemmiex minn Melvin Theuma u Yorgen Fenech

L-avukat tad-difiża Amadeus Cachia jirrimarka li Vince Muscat kien applika għal maħfra presidenzjali fl-2018, u ġiet miċħudu għall-ewwel filwaqt li Melvin Theuma ġie arrestat fl-2019 u ngħata maħfra ftit wara. Zahra jiċċara li ma kinitx kwistjoni ta’ “ftit jiem”.

L-Avukat Cachia jistaqsi jekk kienx jaf kemm-il darba Vince Muscat kien applika għal maħfra. Zahra jgħid li jemmen li kien darbtejn. Cachia jistaqsi jekk kienx minnu li Muscat kien ġie miċħud l-ewwel darba għax ma kienx ċar biżżejjed fid-dikjarazzjonijiet tiegħu. Zahra jgħid li ma setax jeskludi dik il-possibbiltà.

Dr. Cachia jistaqsi wkoll jekk Zahra qabilx li Yorgen Fenech qatt ma semma lil Jamie Vella fid-dikjarazzjonijiet tiegħu. Zahra jikkonferma li dan huwa l-każ. Huwa jikkonferma wkoll li kien konxju li Fenech kien talab maħfra. L-avukat jinnota li la Melvin Theuma u lanqas Fenech ma semmew lil Vella, lanqas fir-reġistrazzjonijiet tagħhom – għalkemm issemmew ħafna ismijiet oħra. Zahra jaqbel.

L-Avukat Cachia jirreferi għan-noti ta’ Zahra stess, u jitolbu jirrifletti fuq l-intervisti ma’ Theuma. Zahra jirrikonoxxi li diversi ismijiet issemmew matul il-proċess kollu, iżda dak ta’ Jamie Vella ma kienx fosthom.

Il-kontro-eżami tal-Ispettur Zahra jkompli mid-difiża

L-Avukat Nicholas Mifsud jikkonkludi l-kontro-eżami tiegħu u l-avukat tad-difiża Amadeus Cachia jieħu f’idejh. Jibda billi jistaqsi lill-Ispettur Kurt Zahra kemm ilu jaħdem f’dan il-qasam partikolari u jekk dan kienx minn mindu kien involut fl-investigazzjoni tal-qtil ta’ Caruana Galizia. Zahra jafferma dan u jikkonferma wkoll l-involviment ta’ esperti barranin miġjuba biex jgħinu lill-investigaturi Maltin.

L-avukat tad-difiża jinsisti għal dettalji dwar liema arresti kien involut fihom personalment Zahra u jistaqsi jekk xi spetturi tal-iskwadra tad-droga kinux ukoll parti mill-proċess. Zahra jwieġeb li diversi spetturi kienu involuti iżda ma tax ismijiet speċifiċi. Meta mistoqsi jekk kienx ħa sehem fl-arrest ta’ Jamie Vella, Zahra jgħid li ma kienx. Dr. Cachia jkompli billi jistaqsi jekk l-Ispettur Keith Arnaud qatt qallux ir-raġunijiet wara l-arrest ta’ Vella, u Zahra jwieġeb li ma kienx involut.

Cachia jgħaddi għall-premju ta’ €1 miljun offrut mill-gvern fil-każ tal-qtil ta’ Caruana Galizia u t-task force tal-pulizija li kienet twaqqfet. Zahra jispjega li t-task force nħolqot biex tivvaluta u tiffiltra l-informazzjoni li tidħol, u tiżgura li l-investigaturi jkunu jistgħu jiddistingwu bejn ħjiel validi u invalidi. Meta mistoqsi jekk il-maġistrat inkwirenti nżammx infurmat dwar żviluppi bħal dawn, Zahra jikkonferma li l-maġistrat ġie nnotifikat kull meta ħjiel kien ikkunsidrat kredibbli.

Meta ġie mħeġġeġ aktar biex jagħti l-informazzjoni, Zahra jgħid li ma kienx jaf min eżattament kien talab l-involviment tal-FBI fil-każ, u ddikjara b’mod sod li ma kienx ir-rwol tiegħu li jispekula dwar kwistjonijiet bħal dawn – l-attenzjoni tiegħu, jgħid, kienet li jmexxi l-investigazzjoni.

Bl-Avukat Nicholas Mifsud jikkonkludi l-kontro-eżami tiegħu, l-avukat tad-difiża Noel Bianco jibda jagħmel il-mistoqsijiet. Jibda billi jistaqsi dwar il-premju ta’ €1 miljun li kien ġie offrut b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Madankollu, l-Ispettur Kurt Zahra deher konfuż bil-mistoqsija u jitlob kjarifika.

Dr. Bianco mbagħad beda’ jistaqsi dwar l-arrest ta’ Melvin Theuma iżda l-Ispettur Zahra immedjatament jiċċara li ma kellu l-ebda involviment f’dak l-arrest partikolari. Bianco jkompli jenfasizza kif Vince Muscat kien jgħid ripetutament “fakkarni” waqt l-interrogazzjonijiet tiegħu, iżda aktar tard fl-2021, deher li jiftakar kollox f’aktar dettall.

Bi tweġiba, Zahra jirreaġixxi kontra l-idea li x-xhieda ta’ Muscat kienet mibnija kompletament fuq suġġerimenti jew fuq nuqqas tal-memorja. Filwaqt li jirrikonoxxi li kien hemm mumenti meta Muscat nesa ċerti dettalji, Zahra jinsisti li x-xhieda tiegħu ma kinitx magħmula biss minn mumenti ta’ nuqqas ta’ memorja u m’għandhiex tiġi kkaratterizzata b’dak il-mod.


Adrian Agius mhux akkużat b’rabta mal-qtil ta’ Caruana Galizia

Hekk kif il-kontro-eżami mill-avukat tad-difiża Rene Darmanin kkonkluda, l-avukat Nicholas Mifsud reġa’ ħa f’idejh ir-rawnd li jmiss ta’ interrogazzjonijiet. Dr. Mifsud jibda billi jistaqsi lill-Ispettur Kurt Zahra jekk jaqbilx li, abbażi tal-investigazzjoni, ma ħareġ xejn kontra Adrian Agius b’konnessjoni mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Zahra jikkonferma, billi jiddikjara li Adrian Agius mhuwiex fost l-individwi akkużati b’rabta mal-każ ta’ Daphne Caruana Galizia. Mifsud jistaqsi lil Zahra dwar il-maħfra presidenzjali mogħtija lil Vince Muscat, magħruf bħala “il-Koħħu”, u jekk Zahra jiftakarx każ waqt l-interrogazzjoni ta’ Muscat meta dar lejn l-assistent kummissarju u qal, “trid tfakkarni” — li ​​jimplika li Muscat kien qed jiġi mħeġġeġ jew imfakkar waqt l-interrogazzjoni. Zahra jirrikonoxxi li jiftakar dan l-iskambju seħħ waqt waħda mis-sessjonijiet ta’ interrogazzjoni.

Id-Difiża tistaqsi dwar pressjoni fuq Vince Muscat biex jiżvela informazzjoni bi skambju għal maħfra

L-Avukat Amadeus Cachia jdawwar il-mistoqsijiet tiegħu lejn l-inkjesta usa’ ta’ Daphne Caruana Galizia, fejn jistaqsi lill-Ispettur Kurt Zahra dwar l-istatus attwali tal-investigazzjoni. Zahra jwieġeb li, safejn jifhem hu, parti mill-inkjesta għadha għaddejja.

Madankollu, meta Cachia jipprova jikkwota dikjarazzjoni pubblika tal-2020 mill-Kummissarju tal-Pulizija dwar il-każ, Zahra nterrompih, u jiddikjara b’mod sod, “M’iniex il-pappagall tal-Kummissarju biex nirrepeti dak kollu li qal,” u jindika li mhux se jirrepeti dikjarazzjonijiet magħmula minn oħrajn, partikolarment dawk barra mir-responsabbiltajiet diretti tiegħu.

Dr. Cachia mbagħad jirreferi għal dokument li jinvolvi l-kooperazzjoni ta’ Vince Muscat mal-investigaturi. Huwa jenfasizza mument partikolari meta Zahra kien preżenti waqt intervista fejn Muscat kien qed jiġi mħeġġeġ jitkellem il-verità.

Skont kwotazzjoni kkwotata minn Cachia, l-Ispettur illum Assistent Keith Arnaud kien qal lil Muscat: “Dejjem għedtlek li għal maħfra presidenzjali, trid tgħid il-verità.” Muscat allegatament wieġeb, “Iva, qed ngħid il-verità,” li għaliha Arnaud wieġeb, “Il-verità kollha għax tista’ tiswik.”

Ir-referenza għal dan l-iskambju ntużat biex tenfasizza l-pressjoni fuq Muscat biex jiżvela bis-sħiħ l-għarfien tiegħu sabiex jikseb maħfra. Wara din il-linja ta’ mistoqsijiet, Amadeus Cachia indika li ma kellux aktar mistoqsijiet.

Il-Ġurati jistaqsu dwar il-loqma tas-sigarett

Il-ġurati issa ingħataw iċ-ċans skont il-liġi li jistaqsu kwalunkwe mistoqsija. Wieħed mill-ġurati jistaqsi lill-Ispettur Zahra dwar referenza li saret waqt ix-xhieda tiegħu għal loqma tas-sigarett. Zahra jikkonferma li l-analiżi forensika qabblet is-sigarett ma’ Alfred Degiorgio.

Mingħajr aktar mistoqsijiet mill-ġurati, il-qorti tgħaddi għal mistoqsijiet ta’ segwitu mill-prosekuzzjoni. Waħda mill-mistoqsijiet tiffoka fuq jekk Melvin Theuma qatt ikkomunika ma’ Vincent Muscat dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Madankollu, Zahra jiddikjara li ma jistax iwieġeb, u jimplika li m’għandu l-ebda għarfien dirett ta’ xi skambju bħal dan.

Il-prosekuzzjoni tistaqsi wkoll lil Zahra dwar il-kontenut ta’ nota li allegatament instabet ġewwa kontenitur tal-ġelat. Zahra jiċċara li ma jistax jipprovdi dettalji, peress li ma kienx involut f’dak l-aspett speċifiku tal-investigazzjoni.

Is-Supretendent Antoine Cilia ikun it-tieni xhud li jitla’ fuq il-pedana tax-xhieda, fejn tkellem dwar l-involviment tiegħu fl-investigazzjoni tal-2017 dwar il-karozza bomba li qatlet lill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Cilia jispjega li dak iż-żmien, kien stazzjonat fit-Taqsima ta’ Intervent Speċjali. Waqt li ftakar fil-ġrajjiet ta’ dik il-wara nofsinhar traġika, qal lill-qorti li għall-ħabta tat-3pm, sema’ telefonata fuq ir-radju tal-pulizija li tirrapporta splużjoni li kienet tinvolvi vettura.

Huwa jiddeskrivi x-xena mal-wasla, u jgħid li l-karozza kienet inħakmet kompletament min-nirien. Il-bieba tan-naħa tas-sewwieq kienet inqalgħet, l-istering kien inqala’ minn postu ġewwa u kien jidher ġisem. “Ir-ras u ftit partijiet oħra tal-ġisem biss setgħu jidhru,” qal Cilia, filwaqt li jenfasizza s-severità tal-isplużjoni u l-ħsara estensiva lill-vettura.

Finalment wieħed mill-ġurati talab kjarifika dwar dettall imsemmi qabel mis-Supretendent Cilia – speċifikament jistaqsi għal xiex jirreferi “GVP 228”. Cilia jwieġeb li hija n-numru tal-pjanċa assenjat lil vettura tal-pulizija.

Dan immarka t-tmiem tax-xhieda ta’ Cilia. L-Imħallef aġġornat il-ġuri, għal Ġimgħa. Il-ġuri se jkompli għada s-Sibt fid-9:30am.

Sessjoni ta’ filgħodu

Fis-sessjoni ta’ filgħodu l-Avukat Anthony Vella mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, jkompla għaddej b’dik li tissejjaħ ir-rekwiżitorja – l-introduzzjoni lill-ġurati dwar il-każ li qed jitressaq. Huwa tkellem dwar il-mod maħsub dwar kif inqatel l-Avukat Chircop hekk kif kien daħal fil-garaxx tiegħu f’Birkirkara biex imur għax-xogħol u dan għax kellu jieħu xi flus mingħand wieħed mill-akkużati.

Wara għadda biex tkellem dwar il-qtil tal-ġurnalista fil-Bidnija. Daphne Caruana Galizia nqatlet “għax-xogħol ġurnalistiku tagħha” filwaqt li l-avukat Carmel Chircop inqatet b’tiri ta’ arma “għal €20,000”, qal l-Avukat tal-AĠ.  

Il-prosekuzzjoni bdiet tfiehem il-każ lill-ġurati kontra l-aħwa Tal-Maksar Adrian u Robert Agius u sħabhom Jamie Vella u George Degiorgio fl-ewwel jum tal-ġuri, li beda l-Ħamis.  L-erba’ rġiel qed jiċħdu sensiela ta’ seba’ kapi ta’ akkuża li f’każ ta’ ħtija tista’ twassalhom  għal sentenza ta’ għomor il-ħabs.

L-Avukat Ġenerali Anthony Vella beda jiddeskrivi fil-qosor il-każ tal-prosekuzzjoni kontra l-erbgħa, nhar il-Ħamis, waqt seduta li l-biċċa l-kbira ttieħdet billi ddeċidiet il-ġurija u tiddeskrivi r-responsabbiltajiet tagħhom.

Huwa qalilhom li l-qtil ta’ Caruana Galizia f’Ottubru 2017 kien motivat mill-ħidma ġurnalistika tagħha u kien premeditat ħafna. L-Avukat Vella qal li l-ewwel pjan kien li Alfred Degiorgio, li diġà qed jiskonta sentenza għar-rwol tiegħu fl-assassinju, joqtolha ġewwa darha stess fil-Bidnija.

“Il-pjan inbidel biex tintuża bomba, u l-bomba tqiegħdet ġewwa l-karozza biex tiżgura li tmut,” qal l-avukat. Qal li l-motivazzjoni għall-qtil ta’ Carmel Chircop kienet waħda finanzjarja. Wieħed mill-akkużati, Adrian Agius, kellu d-dejn mal-vittma, u dan wettaq ir-reat biex ma jonorax il-ħlasijiet. Agius jinsab akkużat li kkummissjona l-qtil f’Ottubru tal-2015.

“Ħasdulu ħajtu malajr biex ma jħallsux il-flus li kienu dovuti lilu. Hekk tiswa l-ħajja, €20,000 is-somma allegatament imħallsa biex jitwettaq l-omiċidju,” qal Dr. Vella. L-avukati Godwin Cini, Danica Vella u Anthony Vella qed imexxu l-prosekuzzjoni. L-avukati Ishmael Psaila u Amadeus Psaila qed jidhru għal Jamie Vella. Għal Robert Agius qed jidhru l-avukati Alfred Abela u Renè Darmanin. Għal Adrian Agius qed jidher l-avukat Nicholas Mifsud.

L-avukati Godwin Cini, Danica Vella u Anthony Vella qed imexxu l-prosekuzzjoni. L-avukati Ishmael Psaila u Amadeus Psaila qed jidhru għal Jamie Vella. Għal Robert Agius qed jidhru l-avukati Alfred Abela u Renè Darmanin. Għal Adrian Agius qed jidher l-avukat Nicholas Mifsud.