Opinjoni

OPINJONI: Kif għandna nifhmu lil Trump (2)

Dak li qed jagħmel il-President Amerikan Donald Trump hu rivoluzzjoni. Dik li bdiet fl-1994, taħt il-President Bill Clinton (it-42 President tal-Istati Uniti, mill-1993 sal-2001) – jiġifieri l-globalizzazzjoni – donnu waslet fi tmiemha

minn Mark A. Sammut Sassi
Opinjonista

Bil-kelma “Globalizzazzjoni” nifhmu utopija – jiġifieri ħolma politika, li ma tinstab imkien fir-realtà tal-fatti imma tinsab biss f’moħħ min jaħsibha u jixtieq iwettaqha – li trid li s-Suq (Dinji) ikun fuq kollox u fuq kulħadd. Trid li s-Suq Dinji jiġi qabel il-popli, qabel il-gvernijiet, qabel il-politika, u fuqhom kollha jkun hemm is-Suq – is-Suq isuq. Il-ġid jinħoloq b’mod awtomatiku mas-Suq.
Tant kien hemm entużjażmu għal dil-filosofija politika li ħassieb famuż tas-snin 1990, Francis Fukuyama, saħanistra bassar “it-Tmiem tal-Istorja” – jiġifieri li minn dak il-mument ’il quddiem ma kienx fadal Passat, imma kien hemm biss Futur.
Dad-diskors kien tennieh, qabel ma sar President, Barack Obama (l-44 President tal-Istati Uniti, mill-2009 sal-2017). Obama qal li d-dinja ma kellhiex aktar passat, imma kellha biss futur. Kellu jkun hemm Bniedem Ġdid li kellu jibda jgħix f’Dinja Ġdida.
Din kienet il-filosofija politika – l-Utopija – li ddominat lid-dinja kollha għal dal-aħħar 30 sena.
Din il-Globalizzazzjoni ġabet ġid kbir lill-Kapital, imma għattnet lill-Ħaddiem.

L-effetti tal-Globalizzazzjoni
Il-Kapital (Amerikan, imma anki dak Ewropew) mar iċ-Ċina jfittex ħaddiema lesti jaħdmu b’pagi miżeri – pagi tant baxxi li l-ħaddiema aktar donnhom ilsiera milli ħaddiema. Il-Globalizzazzjoni ġabet l-għana lill-Wall Street (l-investituri u l-kapitalisti) u l-faqar lill-ħaddiema.
Kien minn ewl id-dinja li hekk kif il-manifattura tal-prodotti tal-Punent bdiet issir iċ-Ċina, il-postijiet tax-xogħol fil-Punent bdew jgħibu ftit ftit. Il-pagi tal-ħaddiema tal-Punent inġiebu fl-istess livell tal-pagi tal-ħaddiema tal-Lvant, il-pagi miżeri li għadna kif semmejna. Imma filwaqt li l-pagi tal-Punent ġew invellati mal-pagi tal-Lvant, il-għoli tal-ħajja fil-Punent baqa’ dak tal-Punent. U hemm faqqa’ l-faqar.
Dan kollu wieħed isibu fil-ktieb tal-Viċi-President Amerikan JD Vance, Hillbilly Elegy: A Memoir of a Family and Culture in Crisis. Bl-Ingliż tal-Amerka, “hillbilly” (kelma maħluqa fil-bidu tas-seklu 20) hi kelma dispreġjattiva. Tfisser xi ħadd ġej mill-kampanja, li qajla jaf iġib ruħu sew, nieqes mit-tagħlim u mis-sofistikatezza – xi ħadd goff, injurant, u “minn ta’ wara l-muntanji”.
“Eleġija” hi poeżija li fiha l-poeta jirrifletti b’serjetà kbira, normalment tkun lament għall-mejtin. F’dal-ktieb, JD Vance kiteb dwar it-traġejda li waqgħet fuq il-ħaddiema kollha tal-fabbriki li issa spiċċaw mingħajr fabbriki fejn jaħdmu, għax il-manifattura marret f’pajjiżi fejn il-pagi huma rħas (partikolarment, iċ-Ċina).
Din hi l-filosofija wara l-politika li qed iħaddan u jħaddem Trump. L-ironija, naturalment, hi li Trump mhux ħaddiem imma neguzjant. Din hi l-alleanza li ktibt dwarha fl-ewwel artiklu minn dis-sensiela. (L-alleanza ta’ neguzjant mal-ħaddiema.) Il-ktieb li kiteb Trump jismu The Art of the Deal (ħareġ fl-1987, miktub mal-ġurnalista Tony Schwartz).
Għal Trump, kollox jissolva bid-deal, billi jagħmel biċċa negozju. Trump donnu mnebbaħ mill-idea li l-problemi li Vance jitkellem dwarhom fil-ktieb tiegħu – il-mewt tal-produzzjoni fl-Amerka u l-miżerja li waqa’ fiha l-ħaddiem Amerikan – jista’ jaqbad u jsolvihom billi jagħmel biċċa negozju mal-bqija tad-dinja.
Il-verità, iżda, hi li l-politika mhix in-negozju. Fin-negozju, tagħlaq id-deal malajr. Tkun goff – jew (taparsi) ġentili – tagħfas lill-ieħor, u min għandu jew l-akbar volontà jew l-akbar ħtieġa, jagħlaq in-negozju skont it-termini tiegħu.
Fil-politika, l-affarijiet mhux hekk. Trid iż-żmien. Trid il-koperazzjoni. Trid tikkonvinċi lill-oħrajn mhux bl-ebusija tar-ras jew bil-liwi tad-driegħ, imma – kif kien jgħid Guido de Marco – bil-persważjoni… u l-persważjoni hi l-oppost tar-ras iebsa u tal-liwi tad-driegħ.

L-Ewropa
Fil-viżjoni ta’ Trump, l-Amerka trid twassal messaġġ lill-Ewropa.
Dal-messaġġ hu li l-Amerka ggarantit is-sikurezza tal-Ewropa, u ggarantitilha l-kummerċ li bih l-Ewropej stagħnew – issa wasal iż-żmien li l-Ewropej iħallsu lura s-sikurezza u dak kollu li l-Amerka għamlet biex iżżomm lill-Ewropa fuq saqajha bis-saħħa tad-dollaru.
Il-mistoqsijiet għall-Ewropa, naturalment, huma: mingħajr id-dollaru Amerikan, mingħajr is-sikurezza Amerikana, l-Ewropa tiflaħ toqgħod fuq saqajha waħidha?
U l-manuvrar li qed iseħħ fl-Ewropa – bl-iskuża ta’ Trump u ta’ Putin – hu verament għall-Ewropa, jew hu biss għall-Ġermanja? Din il-mistoqsija tinsab fuq fomm dawk li jsegwu l-politika internazzjonali u għandhom għarfien tajjeb tal-Istorja.
Għax meta tagħsar kollox issib li Fukuyama ma kellux raġun. L-istorja ma waqfitx mat-twelid tal-Globalizzazzjoni. L-istorja kulma għamlet kien li ħadet waqfa. U issa reġgħet issuktat fil-mixja tagħha.
U l-futur hu bilfors marbut mal-passat. Għax il-futur, il-preżent u l-passat ma huma xejn għajr kontinwu, ħajta twila li ma tinqata’ qatt. Kull preżent hu estensjoni tal-passat minn naħa, u estensjoni fil-futur min-naħa l-oħra.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd, 20 ta’ April, 2025.