Fl-aħħar tliet snin ix-xirja bil-prodotti essenzjali għoliet b’medja ta’ madwar €16-il ewro; li jfisser li minn Jannar tal-2022 ‘l hawn ix-xirja għoliet bi 11.3%.
Dan ġie żvelat waqt il-konferenza annwali tal-UHM Voice of the Workers – konferenza li ssir b’rabta ma’ Jum il-Ħaddiem u li għal din is-sena ffukat fuq l-għoli tal-ħajja, il-prezzijiet tal-prodotti essenzjali u l-prezzijiet tal-proprjetà fl-aħħar 50 sena.
Matul din il-preżentazzjoni ġie spjegat kif din il-union ilha twettaq dan l-eżerċizzju tal-prezzijiet sa minn Jannar tal-2022 fejn kull xahar immorru fi 3 supermarkets ewlenin u jgħaqdu xirja bil-prodotti bażiċi. Dan l-eżerċizzju jagħti stampa dwar kif ix-xirja kompliet togħla.
Infatti ġie spjegat kif minn Jannar tal-2022 għal Jannar tal-2025 ix-xirja għoliet b’aktar minn €23; li jfisser medja ta’ 17.5%. Dan filwaqt li għall-ewwel 3 xhur ta’ din is-sena, l-medja tax-xirja kien ta’ €161.
Il-UĦM innutat ukoll kif l-iskema Stabbiltà m’għamlitx impatt sinifikanti fuq il-prezzijiet hekk kif ix-xejra tal-prezzijiet baqgħet konsistenti.
Bil-union tirrimarka li l-iskema setgħet kienet aktar effettiva kieku inkludiet varjetà akbar ta’ prodotti. Dan apparti li spjegat kif il-COLA xorta qed tibqa’ tiġi intaxxata; u allura jfisser li l-familji ma jkunux qed jirċievu l-COLA b’mod sħiħ.
Matul din il-konferenza ġiet ippreżentata wkoll analiżi tal-prezzijiet tal-proprjetà matul dawn l-aħħar 50 sena fejn fl-1975 il-medja tal-paga annwali kienet ftit inqas minn €2,000, bil-paga minima kienet ta’ ftit aktar minn €1,600. Bil-prezzijiet għal appartament kien ta’ medja ta’ €6,500, ta’ dar kien ftit inqas minn €11,500 u ta’ villa kien kważi €25,000.
U issa fl-2025 il-medja tal-paga annwali hija ta’ ftit anqas minn €24,000 u dik tal-paga minima hija madwar €11,500 bil-prezzijiet tal-proprjetà jinsabu f’livell ferm differenti. Prezz ta’ appartament huwa b’medja ta’ €325,000, dar tiswa kważi €600,000 u villa kważi €2 miljun.
Matul il-konferenza ntqal kif il-proprjetà dejjem qed issir inqas affordabbli fejn iż-żgħażagħ tal-lum il-ġurnata qed jaħdmu kemm jifilħu iżda xorta waħda qed isibuha kważi impossibbli biex isiru sidien ta’ darhom – realtà li ġiet deskritta bħala inaċċettabbli.
//= $special ?>