“Għall-Partit Nazzjonalista l-anzjani huma fiċ-ċentru tal-politika għaliex huma jixirqilhom kwalità ta’ ħajja tajba.”
Dan kien il-messaġġ tax-Shadow Minister għall-Anzjanità Attiva Paula Mifsud Bonnici matul żjara li saret il-Ġimgħa filgħodu f’Roseville li hija Residenza tal-Anzjani f’Ħal Balzan – żjara li saret bħala parti mill-attivitajiet ta’ Jum il-Ħaddiem bit-tema ‘Xogħol, Ħajja, Kwalità’.

Matul din iż-żjara t-tmexxija ta’ din id-dar tal-anzjani spjegat il-ħidma li ssir ta’ kuljum, bix-Shadow Ministers preżenti ltaqgħu ma’ numru ta’ ħaddiema li mingħajrhom is-servizz li jingħataw l-anzjani ma jkunx possibbli.
Spjegaw ukoll li preżentament f’din id-Dar hemm madwar 160 resident u li ta’ kuljum ikollhom attivitajiet varji sabiex iżommuhom attivi; u fl-istess ħin jissoċjalizzaw ma’ nies differenti.
Minn naħa tagħha, ix-Shadow Minister Paula Mifsud Bonnici sostniet li l-Partit Nazzjonalista se jkompli għaddej bil-ħidma tiegħu sabiex jaċċerta li l-anzjani jkollhom kwalità ta’ ħajja tajba.

Apparti minn hekk, Paula Mifsud Bonnici saħqet li l-ħaddiema qed ikunu ta’ servizz kbir għall-anzjani ta’ pajjiżna. U għalhekk huwa importanti li jkollhom kundizzjonijiet xierqa fuq il-post tax-xogħol.

Għal din iż-żjara kien hemm preżenti wkoll ix-Shadow Minister Rebekah Borg.
