Futbol Sport

L-attendenza taċ-Challenge League dan l-istaġun żdiedet bi 38%

Dr Maria Azzopardi flimkien ma' Dino Bonnici

L-istaġun taċ-Challenge League li għadu kemm intemm fil-jiem li għaddew, dan l-istaġun irreġistra żieda sostanzjali ta’ 38% fl-attendenza minkejja li ntlagħbu inqas logħob minn staġun ilu.

Dan tħabbar illum, waqt konferenza stampa li kienet indirizzata mis-Segretarju Ġenerali tal-MFA, Maria Azzopardi u l-President tal-Kumitat Permanenti tal-Challenge League, Dino Bonnici. Dawn it-tnejn ippreżentaw numru ta’ dettalji u ċifri ewlenin dwar iċ-Challenge League ta’ dan l-istaġun, li għal darb’oħra kien sponsorjat minn BOV.

Azzopardi rrikonoxxiet il-fatt li l-akbar fattur għal din iż-żieda fl-attendenza kienet il-parteċipazzjoni ta’ Valletta FC, li mingħajr dubju għen mhux ftit biex l-ammont fl-attendenza splodiet ‘il fuq. Skont id-dettalji mogħtija mill-MFA waqt din il-konferenza stampa, l-ammont totali tal-partitarji li attendew għall-partiti taċ-Challenge League minn fost is-16-il tim, kien jammonta għal total ta’ 37,897 spettatur. L-attendenza medja għal kull partita kienet ta’ 215 spettatur.

Fl-istess waqt, Azzopardi saħqet li minn numri miġbura “wieħed jinnota li kien hemm żieda ġenerali fl-attendenza, u mhux relatata ma’ tim wieħed biss.”

Din il-konferenza stampa saret fis-Sala taċ-Ċentinarju tal-MFA f’Ta’Qali, l-għada ta’ meta kienu magħrufa t-timijiet finalisti għall-ewwel edizzjoni tal-BOV Challenge Cup. Il-finali ta’ nhar il-Ħadd li ġej, se tkun bejn Valletta u Pietá Hotspurs u se tintlagħab fl-Istadium taċ-Ċentinarju, fl-4pm.

“Huwa importanti wkoll li jiġi enfasizzat li l-BOV Challenge Cup ikkontribwiet għal inqas logħob matul l-istaġun tal-kampjonat,” kompliet Dr Azzopardi.

Min-naħa tiegħu, Bonnici, li hu wkoll il-President ta’ Żurrieq FC, feraħ lit-timijiet promossi għall-ogħla diviżjoni mill-BOV Challenge League, Valletta u Tarxien Rainbows FC, filwaqt li laqa’ wkoll lit-timijiet li għadhom kif ġew promossi, Birzebbugia St Peter’s Montekristo FC u Vittoriosa Stars D’Orsini FC.

“Kien hemm żieda fil-kwalità u l-kompetittività matul l-istaġun, u kien hemm ħafna players Maltin u barranin li ħadu sehem. Dan l-istaġun għal darb’oħra ra attendenzi kbar ħafna,” saħaq Bonnici.

Għall-BOV Challenge Cup, il-Malta FA għandha trofew ġdid, manifatturata mill-kumpanija Ingliża, Thomas Lyte, li diġà pproduċiet numru ta’ trofej oħra għall-Assoċjazzjoni.