Futbol Sport

L-istazzjon televiżiv ta’ Real Madrid, b’attakk fuq ir-referee magħżul għall-finali tal-Copa del Rey….ir-referee jissorprendi lil kulħadd bir-reazzjoni tiegħu  

Burgos Bengoetxea

Għada s-Sibt, tnejn mill-akbar rivali ta’ kull żmien fil-futbol Spanjol, Barcelona u Real Madrid se jkunu qed jaffrontaw lil xulxin fil-finali tal-Copa del Rey. Lejlet dan id-dwell, b’storja twila ta’ antagoniżmu bejnithom, ir-referee magħżul biex jikkontrolla l-260 darba li dan l-El Classico se jkun qed jintlagħab fl-istorja, seraq ix-xena wara li fil-konferenza stampa ta’ qabel il-logħba, l-uffiċjali magħżula biex jikkontrollaw il-finali bejn Barcelona u Real Madrid, indirizzaw lill-ġurnalisti preżenti.

Ir-referee tal-logħba, Ricardo de Burgos Bengoetxea wieġeb għad-domandi tal-ġurnalisti, qabel ma tkelmu ż-żewġ kowċis rispettivi Carlo Ancelotti u Hansi Flick, u f’ħin minnhom deher emozzjonat u infaqa’ jibki quddiem il-media Spanjola.

Burgos Bengoetxea hu meqjus bħala wieħed mill-aqwa referees li attwalment hemm fi Spanja, iżda appena l-isem tiegħu sar magħruf bħala r-referee li se jikkontrolla l-El Classico ta’ għada s-Sibt, Real Madrid bdew kampanja ta’ intimidazzjoni fil-konfront tar-referee permezz tal-istazzjon televiżiv uffiċjali tal-klabb, RMTV.

Dawn pproduċew ġabra ta’ żbalji li r-referee ta’ 39 sena sal-lum kellu f’konfronti preċidenti meta hu kkontrolla partiti ta’ Real Madrid. L-istazzjon televiżiv uffiċjali tal-klabb ta’ Real Madrid, saħansitra enfasizza b’statistika dettaljata, li turi li kull darba li Burgos Bengoetxea kien fdat b’kontrol ta’ partita minn tagħhom, ir-rata ta’ rebħ minn Real Madrid kienet ta’ 64%. Fl-istess waqt, kull darba li Burgos Bengoetxea kien referee f’partiti ta’ Barcelona, ir-rata ta’ rebħ tal-Kaltani, hi ta’ 81%.

Dan id-dettal ma kienx biżżejjed għal RMTV, għaliex fl-analiżi tagħhom saħansitra akkużaw lil Burgos Bengoetxea b’serq.

Ricardo de Burgos Bengoetxea

Quddiem dan l-attakk mill-media ta’ wieħed mit-timijiet finalisti tal-Copa del Rey, Burgos Bengoetxea ma rnexxilux iżomm l-emozzjonijiet tiegħu mistura u f’ħin minnhom beda jibki meta deher jiftaħ qalbu u ddiskuta l-konsegwenzi tal-filmati tal-attakk minn Real Madrid TV.

Wieħed mill-ġurnalist preżenti, saħansitra staqsa jekk il-vidjows għandhomx impatt fuq it-tfal li jridu jkunu referees, u kien hawnhekk fejn Burgos Bengoetxea ma felaħx iżomm aktar ġo fiħ, u waqt li kien qed iwieġeb għal din il-mistoqsija, hu ssorprenda lil kulħadd għaliex beda’ jibki.

“Meta tifel imur l-iskola u jgħidulu li missieru hu ħalliel, dik hija ħaġa tassew diffiċli,” qal Burgos Bengoetxea.

“Kulma qed nipprova nagħmel hu li neduka lil ibni biex ikun jaf li missieru hu onest, biex ngħallmu x’inhu r-refereeing, u biex kulħadd ikun jista’ jirrifletti dwar fejn irridu mmorru. Nixtieq li intom ilkoll tkunu tafu, li f’ċirkostanzi bħal dawn din hija ħaġa diffiċli ħafna għalina.”

Burgos Bengoetxea insista wkoll li l-vidjows maħruġa minn RMTV, b’attakk dirett fuqu, mhux se jkunu qed jaffettwaw il-prestazzjoni tiegħu fil-partita ta’ għada, iżda dak li tassew jinkwetawħ minn dan kollu hu l-effett u l-ħsara li qed issir fuq il-ġenerazzjoni li jmiss ta’ referees.

Fl-isfond ta’ dan kollu, Burgos Bengoetxea saħaq li “m’hemmx dubju li se jkollna nibdew nieħdu miżuri ferm aktar serji minn dawk li qed jittieħdu sal-lum. Mhux se nkomplu nippermettu dak li qed jiġri. Fi żmien qasir, se jkollkom aktar aħbarijiet.”

Burgos Bengoetxea kien skjett fil-mod ta’ kif tkellem u x’mistenni jkun il-pass li jmiss wara dik li ħafna qed isejħulha bħala kampanja ta’ intimidazzjoni bil-wisq żbaljata minn Real Madrid fuq sensiela ta’ referees qabel ċertu partiti.

“Se nagħmlu l-istorja, għax mhux se nkomplu nissaportu dak li qed nissaportu.,” kompla jgħid Burgos Bengoetxea.

Meta mistoqsi jekk dak li għażlu li jagħmlu fil-konfront tiegħu Real Madrid, tistax twassal għal strajk mir-referees Spanjoli, Burgos Bengoetxea qal: “Tisimgħu mingħandna dalwaqt.”