Internazzjonali

“L-Ukrajna jaf se jkollha ċċedi parti minn artha” – Is-Sindku ta’ Kyiv

Ritratt: BBC

“L-Ukrajna jaf se jkollha ċċedi parti mill-art tagħha fi ftehim għall-paċi mar-Russi”.

Iddikjara dan is-Sindku ta’ Kyiv, Vitali Klitschko f’intervista li saritlu mal-BBC.

Fejn iddikjara li fost il-pressjoni qawwija mill-President Amerikan Donald Trump sabiex l-Ukreni jċedu parti mill-art tagħhom – minkejja li mhux ġust – jista’ jkun li din tkun soluzzjoni temporanja.

Klitschko – li kien champion tal-boxing – tenna li l-poplu Ukren, minkejja li din jaf tkun soluzzjoni – qatt mhu se jkun qed jaċċetta ħakma Russa.

Vitali Klitscko tkellem mal-BBC sigħat biss wara l-attakk tar-Russi fuq Kyiv li ħalla 12-il persuna mejta u aktar minn 80 midruba.

Sa issa r-Russi qed jokkupaw 20% tat-territoju Ukren, aktar minn tliet snin wara l-bidu tal-invażjoni Russa fl-artijiet Ukreni.