Sport

Lija Athletic Women idawru telfa f’rebħa

Ritrarr: Andre Farrugia

Lija Athletic Women rebħu t-tieni finali tal-Enemed Women’s Futsal League wara li għelbu lil Swieqi United LEC07 3-1 f’logħba ferm sabiħa li ntlagħbet fil-Padiljun ta’ De La Salle, fil-Birgu.

Kollox kien jidher li Swieqi kienu se jirbħu l-kampjonat hekk kif kienu jinsabu biss żewġ minuti bogħod mit-titlu wara li kienu rebħu l-ewwel finali 2-1. Iżda sforz kollettiv ta’ Lija Athletic għenhom sabiex idawru l-iskor favurihom fejn skorjaw tliet gowls f’ħin relattivament qasir u eventwalment jisfurzaw it-tielet finali.

Wara skor ta’ mingħajr gowls fl-ewwel 25 minuta logħob, fit-tieni taqsima Swieqi marru minn fuq permezz ta’ Demi Magrin.

Fl-aħħar żewġ minuti u nofs, Lija dawru l-iskor favurihom wara gowls ta’ Nell Zarb Cousin, Jasmine Vella Turner u Izabella Camilleri.

B’hekk se jkun meħtieġ li tintlagħab it-tielet finali bejn Lija u Swieqi li se ssir fit-30 ta’ April li ġej dejjem fil-Padiljun ta’ De La Salle.

Referees kienu Danilo Francalanza u Stephen Vella.