Opinjoni

OPINJONI: Fil-politika bħala għodda ta’ servizz

Jien Frederick Aquilina, għandi 26 sena u minn twelidi dejjem għext fir-raħal ta’ Ħal Luqa. Il-professjoni tiegħi hija ta’ accountant

minn Frederick Aquilina
Kandidat Partit
Nazzjonalista

Ilni għal diversi snin naħdem f’dan il-qasam, nispeċjalizza b’mod partikolari fit-taxxa u bħalissa qed inkompli nkabbar l-għarfien tiegħi fl-implimentazzjoni tat-taxxa kemm f’Malta u kemm f’dik internazzjonali, permezz ta’ degree mal-Malta Institute of Taxation.
Minn dejjem kelli passjoni għall-attiviżmu u l-ħidma volontarja. Meta kont student fl-Università ta’ Malta, servejt fil-Kumitat tal-Istudenti tal-Kummerċ (magħruf bħala ASCS) fil-kariga ta’ Uffiċjal għall-Attivitajiet u bħala Teżorier. Il-ħidma tiegħi kienet iffukata fuq l-integrazzjoni tal-istudenti fil-ħajja Universitarja, kemm minn aspett akkademiku kif ukoll minn aspett soċjali.
Is-sodisfazzjon li ksibt meta kont inkun ta’ servizz għal ħaddieħor wassalni sabiex, fl-età ta’ għoxrin sena biss, ġejt elett għall-ewwel darba fil-Kunsill Lokali ta’ Ħal Luqa u ta’ Ħal Farruġ bħala Minority Leader. Minn dejjem kont involut b’impenn fil-komunità tiegħi – bħala abbati, membru ta’ għaqda tal-banda, membru taċ-Ċentru taż-Żgħażagħ, kif ukoll bħala plejer mat-tim tal-futbol ta’ Ħal Luqa.
Tul is-snin, bqajt qrib ir-residenti, disponibbli għall-ilmenti tagħhom u attiv biex nipprovdi soluzzjonijiet konkreti. Bnejt ukoll relazzjonijiet b’saħħithom mal-għaqdiet lokali, l-aktar billi kont preżenti biex nappoġġja l-attivitajiet tagħhom u nkun ta’ spalla għalihom fejn meħtieġ.
Din l-esperjenza fil-Kunsill Lokali kabbret fija l-imħabba għall-politika u wasslitni sabiex nagħmel pass ieħor: fis-sena 2022, aċċettajt is-sejħa tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista sabiex nikkontesta l-Elezzjoni Ġenerali fuq is-Sitt Distrett. Għalkemm ma ġejtx elett, bqajt attiv u qrib ir-residenti permezz ta’ house visits u attivitajiet organizzati mill-għaqdiet tal-lokal.
Fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali tal-2024, erġajt ikkontestajt bħala l-iżgħar kandidat fuq il-lista taż-żewġ partiti ewlenin u rnexxieli nikseb il-fiduċja ta’ aktar minn 1,000 persuna li tatni l-ewwel preferenza tagħha. Għal darb’oħra ġejt elett bħala Minority Leader fil-Kunsill Lokali ta’ Ħal Luqa u ta’ Ħal Farruġ.
Illum, b’mod iktar determinat minn qatt qabel, erġajt aċċettajt is-sejħa tal-Partit Nazzjonalista u ġejt approvat bħala kandidat għall-Elezzjoni Ġenerali fuq is-Sitt Distrett. L-għan tiegħi hu li nkompli naħdem mill-qrib mar-residenti kollha u nkun il-vuċi tagħhom fil-Parlament.

Viżjoni u interess politiku
Bil-professjoni tiegħi bħala accountant u l-esperjenza li ksibt fis-settur tat-taxxa, għandi interess qawwi fis-setturi ekonomiċi u finanzjarji. Nemmen li l-ekonomija għandha tkun ibbażata fuq mudell sostenibbli u ta’ kwalità, fejn ma nibqgħux nistrieħu fuq sistemi li jattiraw cheap labour u proġetti ta’ volumi għoljin bi kwalità baxxa, iżda ninvestu f’setturi bħat-teknoloġija diġitali, servizzi finanzjarji innovattivi, green economy u industriji kreattivi.
Nemmen li għandna nappoġġjaw b’aktar serjetà lil Startups u SMEs, li huma wieħed mill-muturi ewlenin tal-ekonomija tagħna, billi nnaqqsu l-burokrazija u nagħtuhom aċċess aħjar għall-fondi u mentoring.
Fl-istess ħin, għandna noħolqu impjiegi ta’ valur għal ġenerazzjoni ġdida ta’ ħaddiema b’ ħiliet speċjalizzati u salarji diċenti u niżguraw aktar trasparenza fil-mod kif jinvesti l-Gvern, sabiex il-fondi pubbliċi jintużaw fejn hemm verament bżonn u mhux fi proġetti sfaċċatament politiċi.
F’termini ambjentali, nemmen li l-iżvilupp għandu jmur id f’id mal-kwalità tal-ħajja u għalhekk għandu jkun immexxi minn pjan urban realistiku u sostenibbli b’konsultazzjoni reali mar-residenti.
Jeħtieġ nipproteġu l-ftit spazji ħodor li fadal u noħolqu oħrajn, inħeġġu l-użu ta’ enerġija rinnovabbli b’inċentivi konkreti, nindirizzaw it-tniġġis ta’ kuljum – mit-trasport sal-ħsejjes u l-arja – u nippromovu mobilità sostenibbli b’rotot siguri għall-mixi u għar-roti, kif ukoll trasport pubbliku denju u effiċjenti.

Naħdmu għall-bidla li tant għandu bżonn pajjiżna
Bħala żagħżugħ, nemmen li Malta trid tkun pajjiż li jagħti futur reali liż-żgħażagħ, b’edukazzjoni li tippreparahom għal realtajiet moderni b’ħiliet prattiċi u teknoloġiċi, u b’sistemi li jiffaċilitawlhom jibdew il-ħajja tagħhom – fosthom biex jixtru dar u jkollhom aċċess għal servizzi bażiċi b’dinjità.
Fl-aħħar nett, irridu nieħdu bis-serjetà s-saħħa mentali billi nipprovdu programmi konkreti fl-iskejjel u fil-komunitajiet, kif ukoll aktar riżorsi professjonali għal min ikun fil-bżonn.
Iddeċidejt li nidħol fil-politika għax nixtieq nagħmel differenza fil-ħajja tan-nies. Il-viżjoni tiegħi hi li nagħti aktar vuċi liż-żgħażagħ fil-Parlament u naħdem għal futur aħjar għalihom.
Inħares’il quddiem b’enerġija, b’passjoni u b’dedikazzjoni sħiħa biex nirrappreżenta lir-residenti tas-Sitt Distrett.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd, 20 ta’ April, 2025.