Opinjoni

OPINJONI: Immigrazzjoni f’pajjiżna 75% ogħla minn ta’ pajjiżi membri oħra tal-UE

Bejn l-2012 u l-2023, l-aħħar data li tagħha għandna ċifri, l-immigrazzjoni żdiedet minn 9,152 għal 42,238. L-emigrazzjoni min-naħa l-oħra wkoll kibret bir-riżultat li minn 5,946 telgħet għal 21,279. Hekk kien hemm żieda netta fil-popolazzjoni minn 3,206 fl-2012 għal 20,960 fl-2023. F’Malta fl-2023 kellna 158,368 residenti barranin, jew 28 fil-mija tal-popolazzjoni kollha.
Fl-2023, Malta laqgħet 75 fil-mija iktar immigranti minn ras għal ras tal-popolazzjoni minn kwalunkwe pajjiż ieħor tal-Unjoni Ewropea. Ċifri pubblikati mill-Eurostat, l-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea, juru li 76 immigrant kull 1,000 membru tal-popolazzjoni ġew Malta. Minn dawn ftit inqas minn wieħed minn ħamsa ġew mill-UE. Il-bqija waslu Malta minn barra l-Unjoni Ewropea. Ċifri oħra pubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li filwaqt li l-popolazzjoni Maltija hija magħmula minn 49.2 fil-mija rġiel u 50.2 fil-mija nisa b’età medja ta’ 43 sena, fil-popolazzjoni tal-barranin residenti f’Malta hemm 61.1 fil-mija irġiel u 38.9 fil-mija nisa b’età medja 10 snin iżgħar.

minn Joe M. Zahra

Pajjiżna bħal ħafna pajjiżi oħra għandu problema. Problema li fil-każ tagħna hija akbar. Minħabba nuqqas ta’ twelidijiet, il-popolazzjoni lokali qed tiżdied b’mod kajman ħafna. Ma ndumux ma jkollna aktar imwiet milli twelidijiet.

Dan qed iwassal biex qed jiġu iktar ħaddiema minn barra l-pajjiż, l-aktar minn pajjiżi barra l-Unjoni Ewropea. Illum għandna iktar minn 10,000 ħaddiem barrani fis-settur tal-kostruzzjoni. Hemm ukoll iktar minn 10,000 ħaddiem ieħor fis-settur tal-lukandi u r-restoranti. Hawn eluf ta’ ħaddiema jaħdmu fis-settur tas-saħħa, tal-anzjani u setturi oħra.

Jekk nieħdu s-sena 2013 insibu li f’tarf l-2022 il-popolazzjoni ta’ pajjiżna kienet ta’ 542,051. Twieldu 4,462 u mietu 4,030, li jfisser li ż-żieda fil-popolazzjoni lokali kienet ta’ 432. Fl-2023 kellna 52 adozzjoni, 2,256 ċittadin Malti li ġew lura u 1,767 li ħallew pajjiżna, 6,866 ċittadin minn pajjiż tal-Unjoni Ewropea li ġew Malta u 5,952 li ħallew pajjiżna. Min-naħa l-oħra kien hemm 33,075 immigrant minn pajjiżi barra l-Unjoni Ewropea u 13,560 li telqu minn Malta.

Dan kollu wassal biex il-popolazzjoni ta’ Malta u Għawdex fl-2023 telgħet għal 563,443, jew 20,960 iktar mill-2022. Li minnhom 432 biss kienu żieda netta ta’ Maltin u Għawdxin.

158,368 resident barrani

Ir-residenti barranin fostna fl-2023 kienu 158,368 jew 28 fil-mija tal-popolazzjoni kollha ta’ dawn il-gżejjer. Ċifra li qed togħla kull sena u ser tkompli togħla jekk il-Gvern ma jibniex l-ekonomija tagħna fuq mudell ġdid fejn tonqos il-kwantità u żdied il-kwalità. Fejn il-Gvern ma jkomplix ‘jisraq’ il-ħaddiema mis-settur privat biex ikabbar bla kontroll ta’ xejn is-settur pubbliku.  Hemm deċiżjonijiet iebsa li l-Gvern irid jieħu, iżda li bħal kull ħaġ’oħra dan il-Gvern irid iħallihom għal min jiġi warajh.

Il-Gvern ta’ Robert Abela, l-aħħar baġit bnieh fuq il-kwalità, li ma teżistix. Speċjalment fejn jidħol is-settur turistiku fejn jinteressahom biss fil-kwantità biex jinkisru r-rekords mingħajr ma jittieħed f’kunsiderazzjoni dawn ir-rekords x’qed jiswew għall-infrastruttura, lil-livell tal-kuntentizza tal-poplu, għat-trasport, għat-traffiku u l-parkeġġ u għall-ambjent. Kollha problemi li l-poplu Malti u Għawdxi jħabbat wiċċu magħhom kuljum filwaqt li dawn it-turisti jiġu, jagħmlu ġimgħa fostna u jitilqu.

Pajjiżna ma jiflaħx aktar għal din iż-żieda bla rażan fil-popolzzjoni. Il-ħaddiem Malti ma jistax jara aktar il-pagi tiegħu jibqgħu ġġamjati għax hemm ħaddiema barranin li jaħdmu b’inqas għaliex dawn darba f’pajjiżna, fejn ikunu nġiebu b’kull xorta ta’ wiegħdi, darba hawnhekk ikun impossibbli għalihom li jitilqu wara min jaf x’ikunu nefqu biex jiġu. Hekk jaċċettaw kull xogħol b’kull paga li joffrulhom.

Is-soluzzjoni għal dan kollu mhix faċli. Irridu qabel xejn noħorġu minn din ix-xitwa demografika li qed tolqot lil pajjiżna. Iridu jittieħdu miżuri biex il-familji jkollhom iktar ulied. Għajnuna u miżuri qawwija u mhux ta’ kollox nofs qalb!

Iridu jinstabu setturi ekonomiċi ġodda fejn b’inqas ħaddiema jkollna riżultati ekonomiċi ikbar. Setturi ekonomiċi b’valur miżjud ogħla li jirrendu ħafna iktar lill-ħaddiema u lill-ekonomija.

Fil-passat, Gvernijiet Nazzjonalisti fetħu setturi ekonomiċi ġodda li llum allaħares ma kinux huma. Twaqqfu setturi ekonomiċi bħas-settur finanzjarju, marittimu, manutenzjoni tal-ajruplani, e-gaming. Fl-aħħar tnax-il sena fetaħ xi settur ekonomiku ġdid?

Pajjiżna huwa dak li hu. Tliet gżejjer relattivament żgħar li ma jifilħux popolazzjoni li tikber bla kontroll u settur turistiku li basta jikseb rekord fuq ieħor. Illum jekk ngħoddu wkoll it-turisti li jkollna fostna kuljum, jekk ngħoddu żieda oħra fl-2024 ta’ 21,000 persuna ma’ dik tal-2023 għandna popolazzjoni li nafu biha ta’ 650,000 – iktar mid-doppju li kienet fl-1964 – is-sena tal-Indipendenza meta l-popolazzjoni ta’ Malta u Għawdex kienet 323,000.

Iż-żieda bla rażan fil-popolazzjoni qed toħloq problemi anki għal pajjiżi ferm akbar minnha li għandhom estenzjoni vasta ta’ art. Għaliex hemm limitu għal kollox. Għalhekk biex inżommu ekonomija b’saħħitha rridu bis-serjetà mmorru għall-kwalità f’kollox.

Kwalità li b’inqas il-pajjiż u l-ħaddiema jaqilgħu iżjed. U tagħti lill-poplu nifs ġdid fejn ikun jista’ jgħix aħjar u f’ambjent aħjar. Il-problema ta’ pajjiżna hija waħda kbira. Għalhekk tirrikjedi soluzzjonijiet drastiċi li dan il-Gvern ma jistax jagħti.

F’din it-tabella pubblikata mill-Eurostat, Malta tidher fl-ewwel post

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ġimgħa 25 ta’ April, 2025.