minn Liam Sciberras
Minority Leader Santa Luċija
President Kulleġġ Kunsillieri Partit Nazzjonalista
Il-kelma ‘Grazzi’ mhux biżżejjed biex nirringrazzja lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, lill-Viċi Kap Alex Perici Calascione, is-Segretarju Ġenerali Charles Bonello u l-kumplament tat-Tmexxija tal-Partit Nazzjonalista li affdawni b’dan ir-rwol ġdid li flimkien mal-membri tal-Kulleġġ, se nkunu qegħdin nirrappreżentaw lill-Kunsillieri lokali kollha tal-Partit Nazzjonalista f’Malta u Għawdex.
Fil-jiem li għaddew il-membri tal-Eżekuttiv tal-KKLPN innominawni u approvawni biex inkun il-President tal-istess Kulleġġ flok Charles Bonello li issa kien appuntat bħala Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, li b’kapaċità liema bħalha ħaddan din il-pożizzjoni għal fuq minn seba’ snin sħaħ u li flimkien mal-Amministrazzjoni preżenti, il-Partit Nazzjonalista kiseb riżultat b’saħħtu fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli lokali f’Ġunju li għadda, fejn anke rbaħna sitt lokalitajiet lura, San Pawl il-Baħar, San Ġwann, l-Imsida, iż-Żebbuġ Għawdex, is-Siġġiewi u l-Mosta.
Dan apparti li l-Labour tilef il-maġġoranza wkoll fil-Mellieħa, f’Ħaż Żebbuġ, fil-Floriana kif ukoll Birkirkara. Nistqarr magħkom, li għandi żarbun kbir x’nilbes, però konvint, li bl-għajnuna ta’ kull wieħed u waħda minnkom, inkluż kull resident Malti u Għawdxi, nistgħu nibdew nagħtu s-saħħa lura lill-Kunsilli Lokali li huma għatxana għaliha biex jerġgħu jkunu l-vera ‘Gvern Lokali’.
Lejn fejn nixtieq nieħu l-KKLPN
Preżentament, il-Kulleġġ għandu dawn ir-responsabbiltajiet hekk kif jitlob l-Istatut tal-Partit:
a) jipprovdi spazju għall-qsim ta’ esperjenzi bejn il-Kunsillieri ta’ Malta biex nippromvowu ħidma effettiva ghall-kull lokalità;
b) jipprovdi taħrig neċessarju għall-Kunsillieri, kandidati prospettivi u anke għal min hu interessat kif jimxi Kunsill Lokali;
c) b’ħidmet il-Kunsillieri rispettivi, naġġornaw il-politika tal-Partit Nazzjonalista f’dan il-qasam;
d) iżomm kuntatt ma’ organizzazzjonijiet simili barra minn Malta;
e) iżomm kuntatt regolari mal-Kumitat Sezzjonali tal-istess lokalità fejn tiġi skambjata ħidmet il-Kunsillieri f’dik il-lokalità;
f) Jippromwovi l-ideat u l-ideali tal-Partit fil-ħidma tal-kunsillieri lokali filwaqt li nemmnu fl-awtonomija tal-kunsilli lokali; u
g) ilaqqa’ l-Kunsillieri Lokali kollha eletti f’isem il-Partit tal-anqas tliet darbiet fis-sena u wara kull laqgħa jkun preżentat rapport lill-Kumitat Eżekuttiv.
Iżda, jien nemmen li filwaqt li dawn ir-responsabbiltajiet huma utli, hemm il-ħtieġa li nwessgħu b’mod prattiku xogħol il-Kulleġġ, bl-għan aħħari li kemm il-poplu Malti u Għawdxi, kif ukoll il-Partit Nazzjonalista jkompli jissaħħaħ u jkollu l-vera Gvern Lokali b’awtonomija realistika.
Dan tal-aħħar qed ngħidu għaliex f’dawn l-aħħar kważi għaxar snin kemm ilni Kunsillier Lokali f’Santa Luċija, rajt it-tnawwir tal-poteri tiegħu.
Flok pereżempju l-gvern jagħti aktar allokazzjoni biex ikun jista’ jaħdem b’mod indipendenti, ġab l-istituzzjoni tal-Kunsilli Lokali titkarrab għal flus biex tagħmel dmirha. Mhux ta’ b’xejn lokalitajiet bħal Tas-Sliema mhux qed ikollhom il-flus biex jaqdu dmirijiethom, jew il-belt kapitali, il-Belt Valletta l-Gvern tellef l-awtonomija tiegħu billi ħoloq il-‘Valletta Cultural Agency’ u assorba ħafna mir-responsabbiltajiet tal-istess Kunsill Lokali.
Però jien, flimkien mal-membri tal-Kulleġġ iffokati biex inwasslu l-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista u ma nħossx li hu ġust nitkellem biss fuq in-nuqqasijiet, anzi rridu nkomplu naħdmu fuq dak li l-Partit jemmen u x’lest li jagħmel anke qabel ma jkun fil-Gvern. Il-missjoni tagħna hija bbażata fuq dawn il-prinċipji:
1. Aktar Governanza Lokali – il-Partit Nazzjonalista jħares lejn il-bżonn li nżidu r-responsabbiltajiet tal-Kunsilli Lokali biex verament ikunu jistgħu jissejħu Gvern u mhux purament ‘a customer care’;
2. Kunsilli Lokali u Kunsilli Reġjonali – Partit Nazzjonalista jemmen fil-Kunsilli Reġjonali però mhux a skapitu li tal-aħħar jieħdu mir-responsabbiltajiet tal-Kunsilli Lokali, dan għaliex il-Partit Nazzjonalista jemmen fl-importanza ta’ kull lokalità;
3. L-ambjent u l-Kunsilli Lokali – Il-Partit Nazzjonalista diġà kkommetta ruħu li l-ambjent ikun dritt kostituzzjonali. Allura id f’id mal-Kunsilli Lokali nemmnu li rridu ntejbu l-ambjent f’kull forma fil-lokalitajiet Maltin u Għawdxin; u
4. Kunsilli Lokali li jaħdmu u jirrappreżentaw liċ-ċittadini tagħhom – Partit Nazzjonalista li welled il-Kunsilli Lokali, ma ħoloqhomx biex ikunu customer care u jwassal il-messaġġ lil xi dipartiment/ministeru partikolari, iżda jaħdem u jippromwovi l-identità tal-lokalità rispettiva.
Konklużjoni
Il-Partit Nazzjonalista kien hu li welled il-Kunsilli Lokali għaliex jemmen u jirrispetta l-politika tiegħu favur diċentralizzazzjoni, fejn ta s-saħħa lil kull Kunsillier Lokali biex iwassal il-vuċi tal-kostitwenza tiegħu.
Aktar saħħa lill-Gvernijiet Lokali li jwassal għal servizz u importanza akbar lil kull lokalità. Flimkien ma’ sħabi tal-kulleġġ, aħna ser inkunu qegħdin naħdmu biex il-Kunsill Lokali jieħu l-identità li verament jixraqlu.
Allura nitlobkom biex b’aktar kooperazzjoni u determinazzjoni, naħdmu biex niksbu dan l-għan.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd, 20 ta’ April, 2025.
//= $special ?>