minn James Aaron Ellul
Direttur Informa
B’kelma li tgħolli, mhux tgħaffeġ. B’leħen li jifhem, mhux jidd
Uniċità. Lealtà. Ġenwinità
Dawn kienu l-ewwel tliet kelmiet li ġew f’moħħi meta sirt naf li tlift ħabib u figura eżemplari fil-politika u fil-ħajja pubblika Maltija, Francis Zammit Dimech. Francis ma kienx biss politiku. Kien bniedem ta’ kelma, ta’ prinċipji, u fuq kollox ta’ qalb.
Għal ħafna, kien Ministru, MEP, Segretarju Ġenerali u figura prominenti fi ħdan il-Partit Nazzjonalista. Għalija, kien ukoll gwida u sieħeb fid-djalogu, fid-diskussjoni u fil-ħsieb.
Memorji
Meta Francis kien Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, jien kont naħdem fil-kamra tal-aħbarijiet. Dak iż-żmien, kont nara l-veru wiċċ tiegħu, mhux biss bħala politiku imma bħala persuna li tassew kienet tisma’, tifhem u toffri spalla. Kien jemmen fil-poter tal-kelma, iżda aktar minn hekk, fil-qawwa tad-djalogu. Kull argument kien għalih opportunità għal domanda ġdida – mhux għal konfront, imma għal tagħlim u tiġdid.
Kelli l-opportunità li nintervista lil Francis fi PROFILI, intervista mill-aktar sinċiera biex ninżlu fil-fond ta’ min kien Francis.
Dakinhar f’dik l-intervista, mhux biss tkellem dwar il-politika. Tkellem dwar il-ħajja, dwar il-valuri, u dwar dak li ġiegħlu jħobb il-ġurnaliżmu, is-sejba tal-verità. Kien hemm mumenti fejn stajt tara kemm kienet sinċiera l-imħabba tiegħu lejn id-domanda. Kien jieħu pjaċir jagħmel mistoqsija, mhux biex jiddomina, imma biex jifhem. U dak, għalija, jibqa’ wieħed mill-aktar valuri profondi tiegħu.
L-ispirtu tal-istudju u l-ġurnaliżmu
Francis kien ukoll akkademiku, b’passjoni bla qies lejn l-istudju u r-riċerka.
Kien jara l-edukazzjoni mhux biss bħala mezz biex wieħed javvanza, imma bħala missjoni, għodda ta’ għarfien, għar-raġuni, u għas-servizz pubbliku. Kien jemmen li politika tajba trid tibda minn edukazzjoni soda u kontinwa.
Għalih, il-ġurnaliżmu ma kienx xi ħaġa periferali; kien element fundamentali fid-demokrazija, għax huwa permezz tiegħu li l-verità ssir aċċessibbli għal kulħadd.
Ħabib. Jgħinek qabel titlob
Ftit huma l-persuni li jħallulek marka daqshekk. Meta lħaqt Direttur tal-Komunikazzjoni tal-Partit Nazzjonalista, Francis kien l-ewwel wieħed li ċempilli. Konna nitkellmu spiss, anki dwar xogħol, u fuq pariri. Meta bdejt rwol ġdid, li llum inħaddan, bħala Direttur tal-Informa kien hu wkoll li ċempilli l-ewwel.
L-aħħar li tkellimna kien saqsieni kif bqajna fuq biċċa xogħol li kien qed jagħmel mezz li jassistini, anki fl-eqqel tal-kura. Dak hu Francis li naf jien, li jgħinek qabel ma titlob, li jinkoraġġik mingħajr kalkolu, u li jżomm kuntatt mhux għall-interess, imma għall-ħbiberija.
Insellimlek
Francis, politiku ta’ qalb, ta’ kelma, ta’ servizz. Int kont eżempju, mhux biss għal dak li taħdem għalih, imma għal kif taħdem għalih. Strieħ fis-sliem ħabib.
GRAZZI, għal dak kollu li tajt, u għal kif, b’mod ġenwin u kostanti, kont hemm għal dawk ta’ madwarek.
Kondoljanzi lill-qraba u lill-maħbubin kollha tiegħu. Malta tilfet figura ta’ eżempju. Għemilu imma se jibqa’ jgħix fil-politika li wettaq u l-proġetti li tant għamel u f’dawk kollha li kellhom x’jaqsmu miegħu.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ġimgħa 25 ta’ April, 2025.
//= $special ?>