mid-Deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici
Shadow Minister għar-Riforma Kostituzzjonali
u d-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem
1. Smajt oħrajn jiddikjaraw li ma jsifrux minn hawn proprju biex ikunu preżenti għalihom. Hawn għandna tradizzjonijiet li fis-snin ma jaqtgħux. Għandna memorja kollettiva b’saħħitha li fortunatament iżżommna fl-identità nazzjonali li ngawdu.
Forsi qatt daqs dawn il-jiem ma nifhmu x’għandna fil-kaxxa tad-deheb tal-valuri tagħna. Nifhmu aktar dak li għaddewlna ta’ qabilna u kemm ninsabu fil-periklu li dawn jonqsu mill-importanza jew jintilfu. Saru, u ttieħdu deċiżjonijiet li ġabuna aktar moħħna fil-flus milli f’dak li jġibilna l-ferħ veru.
Tradizzjonijiet
2. Għandna għad-dispożizzjoni tagħna ġabra ta’ użanzi u attivitajiet li ta’ qabilna sawru. Dawn mhumiex żbaljati. Anzi, jiffurmawna u joħorġu aktar it-tajjeb li għandna.
Punti li jimmarkawna fis-sewwa. Anki jekk nafu li hemm min ma jaqbilx ma’ dan fil-ħsieb li dawn huma tal-poplu għax jarahom mhumiex tiegħu billi hu jinsab tant ’il fuq. Hemm ukoll dawk li qatt ma marru għax ħadd qatt ma ħadhom, jew għax ma kienx hemm min ifissirhomlhom.
Biss il-verità hija li l-maġġoranza hija favur dak kollu li niċċelebraw b’tant attenzjoni u dinjità. Il-pajjiż għad għandu numru kbir ta’ persuni li jifhmu li d-dimensjoni reliġjuża hija importanti u m’għandniex nitilfuha. Għandna nimmarkawha u nassiguraw li nkompluha waqt li nsaħħuha. Il-kittieb Amerikan ta’ diversi kotba, Henry James (1843-1916) qrajt li kien qal: “A tradition is kept alive only by something being added to it.” (It-tradizzjoni tibqa’ miżmuma ħajja sakemm iżżid xi ħaġa oħra magħha.)
Għarfien
3. F’dan kollu wieħed jifhem dejjem aktar li m’għandux minn xhiex jistħi minn dak li sar u minn dak li għandna. Iċ-ċiviltà oċċidentali, dik li hija mmarkata bl-influwenza Kristjana, ġid għamlet f’pajjiżna u mhux deni.
M’aħniex poplu li għadu lura jew li huwa qalbu marbuta ma’ dak li ma jagħmilx sens. Anki jekk xi wħud, permezz tal-pinna tagħhom iċekknu u jikkritikaw dan il-vantaġġ, meta jaqraw il-fatti jifhmu li oġġettivament u fir-realtà, biha mxejna ’l quddiem. Għax dawn il-valuri Nsara li niċċelebraw tant tajjeb ikabbru fina: l-ewwel, l-għarfien tal-għeruq li għandna; u t-tieni, imexxuna fit-triq lejn iktar atti ta’ solidarjetà fis-soċjetà.
Aħna lkoll f’daqqa u mhux kull persuna għal rasha. Dak li nwettqu f’ħajjitna personalment, b’xi mod ser ikollu effett fit-tajjeb, jew le, fuq oħrajn.
L-Għid il-Kbir
4. Waqt li qegħdin barra, jew forsi qegħdin taqraw dan l-artiklu, nittama li qegħdin naraw l-Istatwa ta’ Kristu Rxoxt għaddejja fit-toroq ta’ diversi bliet u rħula ta’ pajjiżna. Għaddej bil-ferħ li jġib u fil-konkorrenza kostanti li dan il-ferħ jitkabbar. Hemm ħeġġa fina li tista’ tispjegaha biss b’ħaġa waħda: dik li nagħrfu li dawn it-tradizzjonijiet fihom valur fihom infushom.
Huma ħajja verament u mhumiex irmied, kif kien qal tant tajjeb il-kompożitur Awstrijak Gustav Mahler (1860-1911). Dak il-bniedem li tul dawn il-ġimgħat iċċelebrajna l-mija u tletin sena (1895) minn meta ġiet esegwita għall-ewwel darba t-Tieni Sinfonija tiegħu marbuta mal-Qawmien ta’ Sidna Ġesù Kristu.
Huwa kien qal tant tajjeb: “Tradition is not the worship of ashes but the preservation of fire.” (It-tradizzjoni mhix l-adorazzjoni tal-irmied iżda l-preservazzjoni tan-nar.)
Għandna dmir
5. Anki jekk ninsabu f’dinja mħawda aktar minn qatt qabel, aħna għandna skop. Fejn mal-ġlied imdemmi li qed naraw, fejn kuljum inqumu għall-aħbar ta’ iktar imwiet ta’ wlied, issa qed imissu ma’ taħwid ikbar fir-relazzjonijiet bejn l-istati fil-kummerċ.
Atti akbar ta’ instabbilità u nuqqas ta’ paċi. Atti illoġiċi u kontro-produttivi. F’dan aktar naħseb li għandna d-dmir li nibqgħu naffermaw u nipparteċipaw f’dawn l-attivitajiet reliġjużi tagħna. M’għandniex minn xiex nistħu. Wisq inqas m’għandu jkollna xi ħeġġa li nogħġbu lil xi oħrajn billi ma nkunux hemm.
Din il-ġimgħa hija verament parti sħiħa mill-identità tagħna. Hija dik li hija boxxla għal-lum u għall-għada tagħna. Tmexxina fit-triq it-tajba u tagħtina iktar l-għarfien li aħna għandna skop preċiż u ċar xi nwettqu f’ħajjitna.
Għax il-verità fundamentali hija li l-Għid il-Kbir fih dan il-messaġġ qawwi ta’ tama vera, kontinwa, li ma ssibux fix-xejn.
Minn qalbi nawgura lilek, Sur Editur, u lil kull min jaqra din il-gazzetta, l-Għid il-Kbir it-Tajjeb u fil-paċi.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd, 20 ta’ April, 2025.
//= $special ?>