Lokali

Servizzi speċjali għall-Festival tal-Logħob tan-Nar u Festa Frawli

Tħabbru arrangamenti speċjali għat-trasport pubbliku b’rabta mal-attivitajiet li ġejjin tal-Festa Frawli u l-Festival tan-Nar.

Għal dawk li qed jippjanaw li jżuru l-Festa Frawli fl-Imġarr, li se ssir nhar il-Ħadd 27 ta’ April, Malta Public Transport se topera r-Rotta X44 bejn il-Belt Valletta u l-Mġarr, flimkien mar-Rotta 44 li topera regolarment bejn il-Belt u Għajn Tuffieħa, b’waqfiet fl-Imġarr. Ir-Rotta X44 se topera kull nofs siegħa bejn l-10:00 u l-15:00 mill-Belt lejn l-Imġarr, u lura mill-Imġarr lejn il-Belt bejn l-11:00 u s-18:00.

Barra minn hekk, se jkun hemm servizz ta’ shuttle bejn Ta’ Qali u l-Imġarr, b’waqfa fir-Rabat. Is-servizz minn Ta’ Qali lejn l-Imġarr se jopera kull nofs siegħa bejn l-10:00 u l-15:00, filwaqt li s-servizz mill-Imġarr lura għal Ta’ Qali se jopera kull nofs siegħa bejn l-11:00 u s-18:00.

Bl-istess mod, Malta Public Transport żiedet servizzi addizzjonali biex tiffaċilita l-ivvjaġġar waqt il-Festival tan-Nar li se jsir fil-Port il-Kbir, il-Belt Valletta, b’aktar servizzi filgħaxija ta’ nhar il-Ġimgħa 25 ta’ April u nhar l-Erbgħa 30 ta’ April 2025. Karozzi tal-linja se jkunu qed jitilqu mill-Belt madwar kull 25 sa 30 minuta bejn id-23:30 u nofsillejl u għoxrin minuta (00:20), lejn diversi lokalitajiet madwar Malta. Ir-rotot ta’ bil-lejl se jibqgħu joperaw bħas-soltu.

Servizzi oħra se jiġu pprovduti wkoll għal dawk li se jattendu l-Festival tan-Nar fin-Nadur, Għawdex, nhar il-Ħadd 27 ta’ April. Minbarra s-servizz regolari tar-Rotot 303 u 322, se jkun hemm servizz speċjali bejn l-Imġarr (Ferry) u n-Nadur (Waqfa tal-Kuxxina) fis-18:20, 18:50, 19:20, 19:50, 20:20, 20:50, u 21:20.

Għar-ritorn, se jitilqu karozzi mill-Kuxxina lejn l-Imġarr (Ferry) fit-22:30, 23:00, 23:30, 23:45, u f’nofsillejl. Se jkun hemm ukoll vjaġġ ieħor minn Nadur (Kuxxina) għal Victoria fid-23:45.