Ir-Russja – skont il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Sergei Lavrov — tinsab lesta biex tilħaq ftehim mal-Istati Uniti għat-tmiem tal-gwerra fl-Ukrajna.
Dan il-kumment, iżda, qed iqanqal mhux ftit tal-ispekulazzjoni u meta r-Russja qed tkompli bl-attakki bid-drones u l-missili fuq l-ibliet tal-Ukrajna minkejja l-offerti preċdenti għal ‘pawża temporanja fil-ġlied’.
Il-Ministru Lavrov, li ilu s-snin spalla ewlenija tal-President Russu Vladimir Putin, qal ukoll li ‘fadal id-dettalji u l-ħtieġa għal ftehim dwar xi elementi’ sakemm Moska fkun f’pożizzjoni biex taqbel dwar it-tmiem tal-gwerra….Kumment li jindika wkoll li s-sitwazzjoni għadha waħda kkumplikata.
Is-sitwazzjoni hi wkoll diffiċli minħabba li l-President Ukren, Volodymyr Zelensky, għamilha ċara li l-poplu tiegħu mhu se jirrikonoxxi qatt is-sovranitá tar-Russja fuq it-territorji tal-Ukrajna okkupati mis-suldati ta’ Putin.
Is-Sindku ta’ Kiev, Vitali Klitschko, ukoll enfasizza li l-poplu Ukren mhu se jaċċetta qatt l-okkupazzjoni ta’ pajjżu mir-Russja. Iżda, fl-istess ħin, Klitschko, ex-champion tal-boxing mondjali, ammetta li l-Ukrajna x’xaktarx li jkollha ċċedi l-art bħala parti minn ftehim għall-paċi mar-Russja. Dan ukoll meta l-Istati Uniti ta’ Donald Trump qed twettaq il-pressjoni fuq il-President Zelensky biex jaċċetta l-konċessjonijiet territorjali favur Moska.
Għalkemm l-Ukreni għandhom kull dritt li jiddefendu l-aħħar nitfa art ta’ pajjiżhom, hemm ukoll analisti oħrajn li jaqblu li l-Ukrajna tista’, almenu, tiffaċilita stat ta’ paċi – almenu fuq bażi temporanja – jekk iċċedi ammont ta’ territorju lir-Russja.
Madankollu, il-Prim Ministru Britanniku. Keir Starmer, qed ikompli jinsisti li jridu jkunu l-Ukreni li jiddeċiedu t-termini għal kwalukwe ftehim għall-paċi mar-Russja.
Fi żviluppi oħra, ir-Rappreżentant Speċjali tal-Istati Uniti, Steve Witkoff, qed jiltaqa’ mal-President Putin f’Moska għal taħditiet dwar paċi potenzjali fl-Ukrajna.
Din hi r-raba’ darba li Witkoff – li ftit li xejn għandu esperjenza fil-qasam diplomatiku – qed jiltaqa’ ma’ Putin u meta qed jidher dejjem aktar ċar li l-Istati Uniti qed twarrab fil-ġenb lill-Ewropa u lill-Ukrajna waqt li tiddiskuti mal-Kremlin dwar id-destin tal-poplu Ukren.
F’din is-sitwazzjoni, Washington u Moska jemmnu li jistgħu jfasslu ftehim għal waqfien mill-ġlied – u eventwalment il-paċi — mingħajr ma jinvolvu lill-Istati Ewropej u lill-President Zelensky. F’din is-sitwazzjoni, il-Kremlin qed jieħu kull vantaġġ possibbli mill-kriżi li żviluppat fir-relazzjonijiet tal-Istati Uniti mal-Alleati tradizzjonali tagħha fl-Ewropa.
Iċ-ċirkustanzi, bla dubju, huma ta’ sodisfazzjon għal Vladmir Putin u l-kollegi tal-Kremlin wara l-fallimenti katastrofiċi tar-Russja biex taħtaf il-kontroll fi Kiev u tibdel il-Gvern ta’ Zelensky ma’ Amministrazzjoni aktar displosta lejn Moska milli l-Punent – u fuq l-istess mudell tal-Belarus.