Is-Sibt filgħodu l-ġuri daħlu l-qorti għat-tielet jum b’Francis Sant jagħti x-xhieda tiegħu.
Dakinhar tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, nhar is-16 ta’ Ottubru, tal-2017, Francis Sant kien qed isuq mill-Mosta għall-Bidnija. Huwa ra b’għajnejh lill-vittma tippanikkja u tgħajjat hekk kif kienet fil-karozza – ftit tal-mumenti biss qabel ħadet il-bomba.
Huwa ta x-xhieda tiegħu dwar l-inċident quddiem il-ġurati li qed jisimgħu l-każ kontra żewġt irġiel li huma akkużati li fornew il-bomba – bomba li ntużat f’dan il-qtil.
Id-destin tal-aħwa magħrufin bħala Ta’ Maksar, Adrian u Robert Agius, flimkien mal-assoċjati tagħhom Jamie Vella u George Degiorgio ser ikun deċiż minn ġuri ta’ sitt irġiel u tlett nisa. Dan il-proċess ser jisma’ diversi xhieda ta’ profil għoli inkluż ukoll eks ministru.
Jekk l-akkużati jinstabu ħatja huma mistennija jaffaċċjaw għomorhom il-ħabs.
F’xhieda emozzjonanti li ta Sant is-Sibt, irrimarka kif dakinhar kien innota xi ħaġa suspettuża hekk kif karozza li kienet riesqa fid-direzzjoni tiegħu slowjat u resqet mal-ġenb tat-triq. Huwa tenna kif il-mara li kienet qed issuq – li f’dak il-mument Sant ma rrealizzax min kienet, kienet tidher fi stat ta’ paniku.
Francis Sant kompla billi qal li kien hemm tip ta’ xrar taħt il-karozza…xrar li huwa qabbel ma’ dak li jkun hemm mal-logħob tan-nar, li kien preżenti għal ftit sekondi biss. Intant, huwa seta jara li din il-mara kienet konxja ta’ dak kollu li kien qed jiġri madwarha.
Emozzjonat, Francis kompla jirrakkonta kif semagħha tgħajjat mill-karozza tiegħu li f’dan il-mument kellu t-twieqi mniżżlin. U f’dak il-mument li l-vittma għajtet – il-karozza splodiet. Tul it-triq qabad in-nar, il-karozza taret, resqet viċin ħafna tal-karozza ta’ Francis u mbagħad minn ġot-triq waqgħet għal ġol-għalqa. Il-karozza kienet madwar 10 piedi ‘l bogħod minn fejn kien qiegħed Sant. Huwa żied ukoll kif it-tank tal-petrol spiċċa fejnu wara li splodiet il-karozza.
Meta mistoqsi mill-prosekutur Godwin Cini x’għamel dak il-mument, Sant wieġeb kif hu stalla, b’idejh it-tnejn fuq l-istering. Kien jinstab fi stat ta’ xokk u ftit sekondi wara, mara għaddiet bil-karozza. Francis spjega lil din il-mara x’kien għadu kif esperjenza – hekk kif kien għada kemm splodiet karozza bomba u li kien hemm mara f’din l-istess karozza u talabha ċċempel lill-pulizija.
F’dak il-mument it-tifel ta’ Caruana Galizia, Matthew wasal fil-post – hekk kif il-familja jgħixu viċin ħafna l-post fejn seħħet it-traġedja. Sant, li kien jara l-familja ta’ Caruana Galizia ta’ kuljum, tenna kif f’dak il-mument ta’ paniku lanqas biss kien għarfu lit-tifel ta’ Daphne.
Kaġun tal-paniku li kellu fuqu Sant staqsa lil Matthew Caruana Galizia jekk jafx il-karozza ta’ min kienet. U waqt is-seduta tas-Sibt talab apoloġija ta’ din il-mistoqsija li kien għamel għaliex kieku kien għarfu li kien it-tifel tagħha żgur li ma kienx jagħmel dik il-mistoqsija. Huwa tenna kif dak il-ħin moħħu waqaf jiproċessa u rrealizza li dak kien Matthew xħin rah fejn il-karozza u mbagħad fehem li dik il-mara li kien ra qabel kienet infatti ommu.
Sant kompla billi qal kif kien hemm partijiet tal-ġisem mal-art u anke tul it-triq, intant beda jwaqqaf il-karozzi milli jibqgħu jsuqu minn fuq il-partijiet tal-ġisem qabel ma waslu l-pulizija fuq il-post.
Carmel Wallace Sammut ta x-xiehda tiegħu wkoll is-Sibt filgħodu residenti Ta’ Tarġa – post qrib fejn l-hitmen kien qed josserva d-dar tal-ġurnalista fil-Bidnija. Huwa tenna kif għall-aħħar t’Awwissu tal-2017 kien innota karozza griża tal-għamla Peugeot li kienet suspettuża għaliex dak iż-żmien ma kienx l-istaġun tal-kaċċa, allura ħliefhom ma kienx ikun hemm f’dawk l-inħawi. Huwa ra żewġ karozzi, Peugeot kbira griża u mbagħad xi ftit tal-ħin wara ra karozza bajda.
Dakinhar meta Caruana Galizia ġiet maqtula, huwa ra l-karozza l-bajda filgħodu, reġa’ raha f’nofsinhar u mbagħad għat-3pm sema’ l-isplużjoni. Meta mistoqsi jekk xi darba rax lis-sewwieq tal-karozza, huwa qal li darba biss inserta lis-sewwieq u meta rah, is-sewwieq inħasad. Il-mara ta’ Sammut xehedet ukoll u tenniet kif il-karozza l-bajda kienet aktar frekwenti mill-griża u l-koppja bdew jissuspettaw li hemm xi ħaġa ħażina minħabba l-fatt li l-koppja jgħixu waħedhom f’dik iż-żona u allura ma tantx ikun hemm karozzi li jieqfu hemm għal tul ta’ ħin apparti dawk it-turisti li jiefqu għal ftit minuti sabiex jaraw il-Victoria Lines.
L-avukat Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia qed jassistu lil familja Caruana Galizia f’dan il-każ waqt li l-avukat Vince Galea qed jassisti lill-familja Chircop.
//= $special ?>