Internazzjonali Knisja

Jibda l-funeral tal-Papa Franġisku fi Pjazza San Pietru

Preżenti fi Pjazza San Pietru hemm madwar 200,000 persuna li nġabret biex isellem il-memorja tal-Papa Franġisku. Dan wara li l-bieraħ fit-8 pm sar is-siġil tat-tebut wara jiem espost għall-pubbliku fil-Vatikan.

Net Television u NET FM qed ixandar il-quddiesa ta’ funerali tal-Papa b’mod dirett b’kummentarju Monsinjur Frans Bonnici, Edward Camilleri u Charles Buttigieg.

Il-quddiesa bil-Latin qed issir mill-Kardinal Taljan Giovanni Battista Re; l-istess kardinal li mexxa għadd ta’ ċelebrazzjonijiet ewkaristiċi fil-passat quddiem is-saħħa tal-Papa li bdiet sejra sew lura.

Jaqa’ silenzju kbir mal-bidu tal-quddies bil-fidili semgħu b’attenzjoni kbira x’kellu xi jgħid l-Kardinal Re fl-omelija

Il-quddies bdiet bl-Att Penitenzjali – mod kif il-fidili jistqarru d-dnubiet tagħhom. Wara saret il-Liturġija tal-Kelma – parti kruċjali mill-quddiesa għall-Kattoliċi fejn dawk preżenti jisimgħu l-qari mit-testment il-ġdid u l-qadim, bl-ewwel qari jkun mill-Att tal-Appostli.

Il-Kardinal Re qed jagħmel l-omelija fejn talab lil Alla biex jilqa’ fi ħdanu lill-Papa Franġisku għall-ħajja ta’ dejjem biswitu.

“Mess l-imħuħ u l-qlub tan-nies”

Re ikompli jgħid li l-messaġġi tan-nies wara l-aħbar tal-mewt tal-Papa jurina kemm Franġisku “mess l-imħuħ u l-qlub tan-nies”.

“Minkejja l-fraġilità u t-tbatija tiegħu lejn l-aħħar, il-Papa Franġisku għażel li jsegwi din it-triq li joffri lilu nnifsu sal-aħħar nifs ta’ ħajtu,” iżid jgħid il-Kardinal Re.

Il-Kardinal qal ukoll li “kien Papa fost in-nies, b’qalb miftuħa lejn kulħadd”.

Meqjusa bħala omelija b’saħħitha li wassal il-Kardinal fejn fakkar kif il-bieb tal-Papa Franġisku kien dejjem miftuħ biex jilqa’ fi ħdan il-Knisja lil kull persuna. Qal ukoll li l-ġesti ta’ Franġisku favur ir-refuġjati kienu “bla għadd”, filwaqt li wassal il-ħsibijiet tiegħu bla ma żamm lura fejn jidħlu l-gwerer tant li rnexxielu jibni pontijiet b’saħħithom għall-paċi.

Il-konklużjoni tal-omelija tal-Kardinal Re ntlaqa’ b’applaws minn dawk preżenti, b’emozzjoni kbira fost dawk preżenti.

Wara sar it-Talb tal-Fidili b’lingwi differenti biex wasslu għall-Liturġija Ewkaristika fejn saret iċ-ċelebrazzjoni tal-Aħħar Ċena.

Lejn tmiem il-quddiesa tal-funeral, ir-rappreżenanti tal-Knejjes tal-Lvant qed ikantaw l-innu tal-Għid Christos Anesti, li tfisser’ Kristu qam mill-mewt’. Dawn il-Knejjes, 23 b’kollox, huma separati mill-Knisja Kattolika Rumana.

Intant, fil-Barrakka ta’ Fuq, fil-Belt Valletta, fi tmiem il-quddies tal-funeral sar salut b’memorja tal-Papa Franġisku.

Preżenti għall-funeral kien hemm l-għola awtoritajiet minn madwar id-dinja kollha, inkluż il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursola von der Leyen, il-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola, il-President ta’ Malta, Myriam Spiteri Debono, il-Prim Ministru, Robert Abela, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech flimkien ma’ martu AnneMarie, il-Prinċep William, il-President Ukren, Volodymyr Zelensky u l-President Amerikan, Donald Trump, fost mexxejja oħra minn madwar id-dinja kollha li ngħaqdu ma’ numru kbir ta’ fidili biex isellmu għall-aħħar darba l-memorja tal-Papa Franġisku.

Dettalji dwar il-jum:

Illum, il-Knisja Kattolika u d-dinja kollha jingħaqdu f’mument solenni hekk kif ftit tal-ħin ieħor tingħata l-aħħar tislima lil Papa Franġisku, li ħalla din id-dinja aktar kmieni din il-ġimgħa.

Il-funeral tiegħu, li ser isir fil-Pjazza ta’ San Pietru fil-Vatikan, attira bosta minn kull rokna tad-dinja – hekk kif minn kmieni dalgħodu eluf ta’ nies bdew jinġabru fil-Pjazza. Folla miġbura biex jagħtu l-aħħar tislima lill-Papa li tant kien iħobb lill-fqajrin u lill-emarġinati.

Papa Franġisku jibqa’ mfakkar għall-qalb kbira li kellu, l-umiltà li biha mexxa l-Knisja, u l-mod kif dejjem enfasizza l-ħniena u l-ġustizzja soċjali. Ħafna għandhom għal qalbhom il-kliem sempliċi imma profondi tiegħu – kliem ta’ min jitgħallem minnu.

Huwa jum ta’ niket, iżda wkoll ta’ gratitudni – għall-eżempju tiegħu, għall-kuraġġ li wera quddiem sfidi diffiċli, u għall-fidi li xegħel fil-qlub ta’ ħafna madwar id-dinja.

Ritratti: Francesco Catania