Chelsea u Newcastle kisbu rebħiet importanti fit-tamiet tagħhom li jiksbu post fil-UEFA Champions League meta għelbu lil Everton u Ipswich rispettivament.
Chelsea għelbu lil Everton bl-iskor ta’ 1-0 bil-gowl deċiżiv jasal wara 27 minuta permezz ta’ Nicolas Jackson
Newcastle minn naħa tagħhom kisbu rebħa komda ta’ 3-0. Ipswich sfaw jilagħbu bi plejer anqas wara 37 minuta meta tkeċċa Ben Johnson. Newcastle approfittaw u marru fil-vantaġġ eżatt qabel il-mistrieħ permezz ta’ penalty ta’ Alexander Isak. Fit-tieni taqsima Newcastle komplew iżidu l-iskor fit-tieni taqsima, l-ewwel kien Dan Burn fis-56 minuta mbagħad kien William Osula li għamilhom 3-0. B’din it-telfa Ipswich sar it-tielet tim relegat flimkien ma’ Southampton u Leicester.
Ħames gowls f’partita nteressanti bejn Brighton u West Ham bis-Seagulls joħorġu rebbieħa 3-2. Yasin Ayari poġġa lil Brighton fil-vantaġġ wara 13-il minuta. Il-partita żvolġiet fit-tieni taqsima fejn kienu skorjati erba’ gowls. L-ewwel kien Mohammed Kudus li ġab l-iskor indaqs. Il-Hammers irnexxielhom imorru fil-vantaġġ permezz ta’ Tomas Soucek fit-83 minuta. Brighton irnexxielhom iwettqu rimonta fl-aħħar ħinijiet tal-partita. Fid-89 minuta kien Kaoru Mitoma li għamilhom 2-2 biex mbagħad fit-92 minuta kien Carlos Baleba li għamel l-iskor finali 3-2.
Rebħa ta’ 2-1 għal Fulham barra minn darhom fuq it-tim relegat Southampton. Jack Stephens poġġa lis-Saints fil-vantaġġ wara 14-il minuta. Ir-rimonta ta’ Fulham bdiet fit-72 minuta permezz ta’ Emile Smith Rowe. Il-gowl li ta rebħa lil Fulham kien skorjat fil-ħin mogħti żejjed permezz ta’ Ryan Sessegnon.
Wolves kisbu rebħa komda ta’ 3-0 fuq Leicester. Metheus Cunha għamilhom 1-0 fit-33 minuta. Jørgen Strand Larsen irdoppja fis-56 minuta. Jamie Vardy falla penalty fit-72 minuta. Rodrigo Gomes għamel l-iskor finali 3-0 fil-85 minuta.
//= $special ?>