F’dan il-jum ta’ dieqa għal min bħal ħafna, ħabb lil dan il-Papa, it-taqsima sport ta’ Net News xtaqna li matul dan il-ġurnata nselmu lill-Papa Franġisku bil-mod ta’ kif ħafna dilettanti u partitarji tal-futbol dinji jridu jibqgħu jiftakruħ.
Tul il-pontifikat tiegħu, dan l-ewwel Papa mhux Ewropew, kien deskritt minn bosta bħala ‘il-Papa li tant kien iħobb il-futbol.’
L-Italo-Arġentin, kellu x-xorti jgħix it-tliet dabiet li l-Arġentina rebħet it-Tazza tad-Dinja, iżda għalkemm kien iħobb il-futbol u kien magħruf bħala partitarju tal-klabb Arġentin ta’ San Lorenzo, hu kien ammetta li fit-tliet darbiet, ma kienx segwa il-partita finali.
Darba lill-Papa Franġisku staqsewħ, min kien l-aqwa plejer fil-logħba tal-futbol, Maradona jew Lionel Messi (peress li t-tnejn huma Arġentini bħalu). Iżda r-risposta tal-Papa ssorprendiet lil kulħadd.
“Maradona, bħala plejer, kien kbir. Imma bħala raġel, falla,” qal Franġisku, b’referenza għad-deċennji tiegħu jiġġieled kontra l-vizzji tad-droga u l-alkoħol.
Huwa ddeskriva lil Messi bħala “ġentlom”, imma żied jgħid li kien se jagħżel it-tielet wieħed; plejer bl-isem ta’ Pelé, li ddeskriviħ bħala “raġel ta’ qalb”.
Interessanti l-fatt li Pelé u l-Papa Franġisku, qatt ma kellhom ix-xorti li jiltaqgħu f’ħajjithom iżda mhux għax ma kienx hemm rispett, altru minn hekk. Fil-21 ta’ Frar, 2014, Pelé kien ta rigal speċjali lill-Papa Franġisku; flok tat-tim nazzjonali Brażiljan iffirmat mill-mibki Pelé u b’messaġġ: “Għall-Papa Franġisku, b’rispett u ammirazzjoni. Edson Pelé”.