Futbol Sport

Barcelona jirbħu l-Copa del Rey f’partita klassika kontra Real Madrid

(Ritratt: EPA)

Barcelona rebħu l-Copa del Rey wara li għelbu lil Real Madrid 3-2 f’partita klassika kontra r-rivali Real Madrid, f’partita li ntlagħbet f’Seville. Bil-partita tintemm bl-iskor ta’ 2-2 sad-90 minuta, kellu jkun l-ħin barrani li jiddeċiedi l-eżitu tal-partita.

It-tim imexxi minn Hansi Flick kien l-aħjar matul l-ewwel taqsima u fetaħ l-iskor fit-28 minuta permezz ta’ Pedri. Real Madrid wettqu rimonta fit-tieni taqsima meta kien freekick dirett tas-sostitut Kylian Mbappe li ġab l-iskor indaqs. Real Madrid irnexxielhom saħansitra jmorru fil-vantaġġ seba’ minuti wara permezz ta’ Aurlien Tchouameni. Ir-reazzjoni ta’ Barcelona kienet immedjata u ġabu l-iskor indaqs permezz ta’ Ferran Torres.

Bil-partita tmur għal ħin barrani, kien id-difensur Jules Kounde li b’gowl mill-isbaħ aċċerta mir-rebħ ta’ dan l-unru għat-32 darba. Il-partita kellha tmiem pjuttost kontroversjali wara li Antonio Rudiger deher li xeħet xi ħaġa fil-konfront tar-referee Ricardo de Burgos Bengoetxea fejn b’konsegwenza ta’ dan tkeċċa. Flimkien miegħu tkeċċew ukoll Lucas Vazquez u Jude Bellingham.

Intant din il-partita ntlagħbet fid-dell ta’ tensjoni bejn Real Madrid u r-referee De Burgos Bengoetxea hekk kif it-tim mill-kapitali Spanjola ma riedx li De Burgos Bengoetxea jikkontrolla l-finali tal-Copa del Rey.