Is-sitwazzjoni umanitarja f’Gaza qed taqbleb dejjem għall-agħar meta l-Iżraeljani qed jippersistu bl-attakki fuq il-militanti tal-Ħamas fit-territorju.
Dan waqt li t-tattiċi tal-gwerra ta’ Iżrael qed iħallu dejjem aktar imwiet u tbatija fost iċ-ċivili Palestinjani.
Fl-aħħar sigħat, l-isptarijiet ta’ Gaza rċevew il-fdalijiet tal-għexieren tal-Palestinjani li kienu nqatlu mill-attakki tal-Iżraeljani fi spazju ta’ 24 siegħa.
Dan meta fl-aħħar ġranet, l-attakki konsistenti tal-Iżraeljani konċentraw fuq ix-xelters u nħawi li suppost qed ikunu rispettati bħala zoni umanitarji…Zoni fejn hemm l-eluf tal-Palestinjani residenti fit-tined.
Mit-18 ta’ Marzu ‘il hawn, il-militar Iżraeljan kuljum wettaq sensiela ta’ attakki mill-ajru u mill-art bil-ħsieb li jespandi buffer zone fil-Medda ta’ Gaza. Mifhum ukoll li l-Iżraeljani qed jikkontrollaw talanqas 50 fil-mija tat-territorju inkwistjoni.
Sadanittant, il-kriżi umanitarja kompliet tikber – u meta Iżrael ilu 60 jum jimblokka t-trasport tal-ikel, il-fuel, il-mediċina u oġġetti oħra essenzjali lin-nies ta’ Gaza.
L-Organizzazzjonijiet tad-Drittijiet Umani qalu li dan it-tip ta’ assedju jinvolvi tattika intiż biex il-Palestinjani jmutu bil-ġuh u li qed jaffettwa lill-popolazzjoni kollha tal-irġiel, nisa u tfal…..Tattika li l-istess organizzazzjonijiet qed jirreferu għaliha bħala reat tal-gwerra potenzjali.
Fi tmiem il-ġimgħa, il-Programm Dinji tal-Ikel (WFP) kien wassal aktar kunsinni tal-ikel lill-Palestinjani iżda hemm dubju kbir dwar kemm, minn dawn il-kunsinni, se jaslu tassew lill-familji ddisprati.
//= $special ?>