Internazzjonali

Il-Kanada: L-awtoritajiet qed jinvestigaw qtil tal-massa waqt festival għall-komunità tal-Filippini f’Vancouver

Il-Pulizija fil-belt Kanadiża ta’ Vancouver qed iżommu raġel taħt arrest wara qtil tal-massa f’din il-belt li seħħet kontra kull mistenni…Azzjoni li mhix qed tkun meqjusa bħala waħda terroristika.

Dan wara li raġel – mifhum bħala s-suspettat – saq vann SUV direttament għal fuq folla nies li kienu qed jiċċelebraw waqt festival u bir-riżultat li mietu talanqas għaxra, b’ħafna oħrajn jisfaw midruba..

L-inċident qajjem xeni kbar ta’ twerwir u kaos assolut, bl-osservaturi, fl-inħawi, wara, jirrakkuntaw dwar il-mod kif is-sewwieq daħal b’veloċità kbira għal fuq grupp imdaqqas ta’ nies li ma kellhom l-ebda ċans li jaħarbu meta huma kienu kważi marsusin ma’ xulxin.

Il-maġġoranza tan-nies f’dik il-parti ta’ Vancouver kienu membri tal-komunità Filippina u li kienu qed jattendu għal festa tipika tal-komunità tagħhom, magħrufa bħala l-Jum ta’ Lapu Lapu.

L-aħħar rapporti qalu li l-arrestat hu raġel ta’ 30 sena u meta l-awtoritajiet qed jinvestigaw il-ħajja personali tiegħu.

Madankollu, baqgħet mhix magħrufa r-raġuni eżatta għal dan l-attakk li seħħ kompletament għall-għarrieda iżda l-kelliema għall-pulizija sostnew li huma ‘fiduċjużi li dan ma kienx xi attakk terroristiku.

Sar magħruf ukoll li s-suspettat inqabad min-nies fl-inħawi tal-inċident ftit wara li wettaq l-azzjoni qattiela — u fejn xi persuni ċemplu mal-ewwel għall-pulizija. Ħadd ma jaf kif in-nies inkwistjoni rnexxielhom jaqbdu lil dan ir-raġel u fost rapporti li l-pulizija wieġbet ‘minuti wara’ għall-emerġenza.

Fl-aħħar sigħat bdew deħlin il-messaġġi ta’ niket mingħand diversi Mexxejja madwar id-dinja li lkoll esprimew solidarjetà mal-komunità tal-Filippini f’Vancouver.

Fost dawn kien hemm l-istqarrija tar-Re Britanniku Karlu u ta’ martu, ir-Reġina Camilla fejn huma wasslu messaġġ ta’ faraġ lill-familji tal-imġarrbin. L-inċident kien speċjalment devastanti għar-Re Karlu peress li l-Kanada hi membru attiv u ewleini tal-Commonwealth.

Il-President tal-Filippini, Ferdinand Marcos Jr, sadanittant, qal li kien jinsab ixxukkjat u mbikkem dwar dan l-inċident li kellu jseħħ waqt waħda mill-akbar avvenimenti għall-Filippini kollha madwar id-dinja. Dan waqt li hu wassal il-kondoljanzi lill-familji li tilfu l-għeżież f’dan l-attakk.

L-inċident qattiel waqt il-festival f’Vancouver, fil-fatt, kellu jseħħ sigħat qabel il-poplu Kanadiż, għada, jivvota fl-elezzjoni federali tal-Kanada.

U l-pulizija, flimkien mal-awtoritajiet oħrajn Kanadiżi, qablu li l-inċident lanqas ma jidher li kien relatat mal-elezzjoni.

Dan meta l-Prim Ministru Kanadiż, Mark Carney, li assuma dan ir-rwol ftit tax-xhur ilu, hu favorit li jirbaħ din l-elezzjoni u li jfisser li l-Partit Liberali jkun qed jestendi l-perjodu ta’ tmexxija fi żmien ta’ kriżi akuta fir-relazzjonijiet tal-pajjiż mal-Istati Uniti tal-President Donald Trump.