Lokali Qorti

Allegat frodi ta’ aktar minn €400,000 f’għotjiet tal-gvern li jinkorpora fost oħrajn atti ta’ żwieġ u saċerdozju

Frodi ta’ kull tip minn atti ta’ żwieġ għal saċerdozju, xiri ta’ strumenti mużikali u benefiċċji li saru bħal rifużjoni ta’ taxxa u talbiet għal ħlasijiet tal-VAT. Dwar dan quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello bdiet il-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ tliet aħwa, żewġt irġiel u mara wara li l-irġiel allegatament talbu b’mod frawdolenti ‘l fuq minn €400,000 f’għotjiet differenti u rifużjonijiet ta’ taxxa, b’oħthom ukoll tidħol fl-istorja.

Mark Mallia ta’ 37 sena, Karl Mallia ta’ 33 sena u Annemarie Mallia ta’ 28 sena minn Marsaskala qed jiġu akkużati b’mod konġunt b’ħasil ta’ flus wara li talbu għotjiet għal żwieġ, funeral u għotjiet oħra bl-użu ta’ dettalji personali li sabu fuq sentenzi tal-Qorti li ttellgħu online.

Mark u Karl ġew akkużati wkoll li aċċessaw illegalment l-email ta’ terza persuna u li kisru ordni ta’ probation mogħtija fid-19 ta’ Settembru, 2024. Mark waħdu, sadattant, kien akkużat separatament li kiser ordni ta’ probation mogħtija f’Jannar 2025, filwaqt li Karl kien akkużat li kiser ordni simili mogħtija f’Ottubru 2022.

Il-mara qed tiġi ġiet akkużata separatament li kienet kompliċi fir-reati mwettqa minn ħutha. L-ispettur Keith Caruana Darmanin qal lill-Qorti li l-pulizija rċeviet ilment kriminali mill-Amministrazzjoni Maltija tat-Taxxa u Dwana, wara li persuna infurmat lill-back office tal-MTCA dwar dokumenti li kienu rċevew dwar l-Ordinazzjoni għas-Saċerdozju. Il-persuna qatt ma kienet qassis.

Meta ssejjaħ il-każ, l-Avukati Josè Herrera u Martina Herrera ddikjaraw li għandhom kunflitt fir-rigward tal-akkużata Annmarie Mallia u rrinunzjaw għad-difiża tagħha. L-akkużata infurmat lill-Qorti li qabdet lill-Avukat Franco Debono bħala l-Avukat tagħha.

Matul ix-xhieda tiegħu, l-Ispettur Keith Caruana Darmanin qal lill-Qorti li l-Pulizija rċeviet ilment mingħand vittma fis-7 ta’ Diċembru, 2023 u bdew jinvestigaw l-allegata frodi. Il-Pulizija kkonkludew li Mark u Karl kienu involuti fl-allegat frodi relatata mar-rifużjoni tat-taxxa u r-rifużjonijiet tal-VAT.

Kien hemm numru ta’ kontijiet bankarji li fihom kienu depożitati r-rifużjonijiet tat-taxxa, u l-kontijiet kollha kienu ta’ Mark u Karl Mallia. Il-Pulizija vverifikaw ukoll li kien hemm applikazzjonijiet għal għotjiet minn persuni relatati ma’ allegati atti ta’ żwieġ ta’ persuni li kienu diġà mejta u wkoll numri ta’ identifikazzjoni ineżistenti li kienu jappartjenu lil barranin li kienu parti fi żwieġ fejn il-parti Maltija fiż-żwieġ kienet verament teżisti.

L-EID logins użati kienu wkoll f’ismijiet l-omm u l-eks sieħba ta’ wieħed mill-akkużat. Il-Pulizija ġabret ukoll iċ-ċertifikati tal-mewt tal-applikanti involuti li kienu mejtin, għamlet verifiki mal-CURIA fir-rigward ta’ għotjiet mogħtija lil allegati qassisin ġodda, u investigat aktar dwar applikazzjonijiet għal rifużjoni tat-taxxa għal xiri ta’ strumenti mużikali eċċ.

B’kollox, 408 applikazzjoni frawdolenti rriżultaw mill-investigazzjoni. Fit-12 ta’ Frar 2025, l-akkużati Mark u Karl Mallia ġew arrestati. Oħthom Alexandra Mallia wkoll ġiet arrestata inizjalment u kkunsidrata suspettata peress li ntużaw il-logins tal-EID tagħha.

Instabet konverżazzjoni (chat) bejn Ann Marie Mallia u ommha Alexandra Mallia fejn ġie diskuss li x’aktarx li l-MTCA kienet se tirrapporta dak li kien qed jiġri peress li n-numru ta’ applikazzjonijiet kien żdied drastikament.

Instab kont konġunt revolut bejn ‘AM’ u Mark Mallia fejn il-Pulizija talbet li jsiru verifiki tal-kontijiet u kkonkludew li l-inizjali AM kienu jirreferu għal ċerta AnnMarie Mallia – dan il-kont kien fih madwar €37,000 – Mark Mallia kien ittrasferixxa €800 lil AnnMarie Mallia minn dan il-kont – id-deskrizzjonijiet tat-tranżazzjonijiet kienu mniżżla bħala prospetti tat-taxxa tal-VAT.

Għall-bidu kien hemm ħafna trasferimenti u depożiti magħmula minn Mark Mallia iżda eventwalment kienu bħala ‘returns’ tat-taxxa. Il-Qorti talbet kjarifika dwar minn fejn oriġinaw id-depożiti – l-ispettur qal li oriġinaw minn Karl Mallia – l-aktar tranżazzjonijiet reċenti kienu mniżżla bħala prospetti tal-VAT jew għotjiet tal-VAT.

Huwa ċċara li l-ammont ta’ flus li daħal fil-kont kien ugwali għall-ammonti trasferiti barra mill-kont. Kien hemm messaġġi li semmew li Karl u Mark Mallia kellhom dejn pendenti ma’ AnnMarie iżda ma ġiex iċċarat jekk it-€800 kinux pagamenti parzjali għad-depożitu pendenti.

L-eks tfajla ta’ Karl, Raisa Demanuele – fid-19 ta’ Aprill li għadda ressqet rapport wara li rċeviet ċerti dokumenti relatati ma’ rifużjonijiet tat-taxxa minn kumpanija msejħa ‘Programmes for Work International’ li kienet ta’ Mark Mallia. Rapport aktar reċenti ġie ppreżentat minn Raisa Demanuele li allegatament xi ħadd kien qed jipprova jaċċessa l-kont google tagħha. Il-Pulizija talbet lil google għal aktar verifiki.

Wara xehed rappreżentant mill-MTCA. Huwa qal li kienu rċevew telefonata mingħand xi ħadd li allegatament kien qed jirċievi informazzjoni li kien intitolat li jirċievi għotja jew rifużjoni tat-taxxa fir-rigward ta’ ċelebrazzjoni tas-saċerdozju.

Ix-xhud qal li Service.Gov bagħtet email lill-uffiċjali tal-ministeru tal-finanzi bid-data 27 ta’ Novembru 2023 – kopja tagħha ġiet ippreżentata fil-Qorti – l-uffiċċju tal-MTCA rrefera l-każ lid-dipartiment tal-IT tagħhom sabiex dawn l-għotjiet jiġu investigati aktar.

L-investigazzjonijiet interni tmexxew minn Noel Attard, Assistent Direttur; u Ryan Mifsud tal-IT. Is-sinjal ewlieni ta’ twissija kien li sitt numri tal-IBAN speċifiċi ntużaw diversi drabi. Ix-xhud kompla jgħid li fis-27 ta’ Diċembru tal-2023, id-dipartiment legali tal-MTCA, preċiżament Dr Svetlana Azzopardi, bagħtet korrispondenza uffiċjali lill-Pulizija biex tgħarrafhom b’din is-sitwazzjoni.

Dak iż-żmien hija rrappurtat 364 applikazzjoni frawdolenti lill-Pulizija. Eventwalment, ladarba l-investigazzjonijiet ġew konklużi, irriżulta li tressqu aktar minn 430 applikazzjoni għal rifużjoni tat-taxxa. L-applikazzjonijiet għal għotjiet kienu relatati ma’ saċerdozju, purifikazzjoni tal-ilma, xiri ta’ roti, tieġ, posponiment ta’ tieġ, strument mużikali u oħrajn.

L-MTCA qalet lill-Pulizija li s-suspettati x’aktarx kienu qed jisfruttaw lakuna fis-sistema, u filwaqt li wieħed ikollu bżonn il-karta tal-identità tiegħu biex japplika għall-għotjiet, ladarba persuna tkun iffirmata, tista’ tapplika għall-għotjiet f’isem ħaddieħor.

Spettur tal-Pulizija differenti li qed jinvestiga wieħed mill-aħwa kien sab noti fuq biċċa karta fejn kienet inkteb informazzjoni dwar l-użu ta’ indirizzi VPN differenti. Huma kienu nnutaw ukoll fejn jistgħu jiksbu l-karti tal-identità, inkluż minn sentenzi tal-Qorti jew dissertazzjonijiet imtellgħa’ fuq il-websajt tal-università.

Intant, l-MTCA infurmat lill-investigaturi li l-aħwa kienu talbu b’kollox €405,160. Karl u Mark Mallia ġew arrestati fit-12 ta’ Frar, flimkien ma’ ommhom, peress li n-numru tal-karta tal-identità tagħha ntuża f’diversi applikazzjonijiet għal għotjiet. Inqabdu diversi apparati elettroniċi, fosthom il-mobile tal-omm, li minnu l-Pulizija ġabret aktar provi.

Mill-estrazzjoni tal-mobiles tagħhom, ħareġ li Annemarie għamlet referenza għall-applikazzjonijiet għall-għotjiet, u f’messaġġ partikolari, wissiet li l-ammonti li kienu qed jitolbu se jiġbdu l-attenzjoni tal-MTCA.

L-Avukati Franco Debono u Adreana Zammit talbu lill-Qorti għal aġġornament ieħor sabiex ikunu jistgħu janalizzaw aktar l-evidenza qabel ma jiddeċiedu jekk jikkontestawx l-allegazzjonijiet ‘Prima Facie’ jew le.

L-avukati tal-AĠ Claire Sammut u Yvette-Anna Borg Cardona mexxew il-prosekuzzjoni, assistiti mill-Ispettur Keith Caruana Darmanin. L-avukati José Herrera u Martina Herrera dehru għall-akkużati.

Il-mara tinsab bil-pleġġ filwaqt li l-irġiel għadhom miżmuma taħt arrest.